L-Ebola qed toqtol 70% tal-pazjenti

Il-virus tal-Ebola fl-Afrika tal-Punent qatel seba’ minn 10 pazjenti u skont l-Għaqda Dinija tas-Saħħa (WHO), jekk ma jiġix ikkontrollat, sa Diċembru li ġej, il-każi ġodda ta’ infezzjoni jistgħu jitilgħu minn 1,000 għal 10,000 fil-ġimgħa.
L-Assistent Direttur tal-Għaqda Dinija tas-Saħħa, it-tabib Bruce Aylward, qal li mir-riċerka ħareġ li qed imutu 70% tal-pazjenti morda bl-Ebola.
Żied jgħid li fl-aħħar tliet ġimgħat il-każi ġodda żdiedu b’mod allarmanti, tant li l-laboratorji ma jistgħux ilaħħqu mal-kampjuni tal-Ebola li qed jirċievu.
L-aħħar ċifri tal-Għaqda Dinija tas-Saħħa, li ħarġu lbieraħ, ikkonfermaw li sa issa mietu 4,447 pazjent u hemm 8,914 persuna infettata.
Is-Sjerra Leone, il-Ginea u l-Liberja huma fost il-pajjiżi Afrikani li ntlaqtu ħażin minn dan il-virus.