L-Ebola bdiet minn tifel ta’ sentejn f’Diċembru li għadda

L-epidemija tal-Ebola wisq probabbli bdiet minn tifel ta’ sentejn li miet fis-6 ta’ Diċembru li għadda f’Guéckédou fil-Ginea. 
L-Ebola, li sa issa jidher li mhux se tieqaf tinferex, sa issa għadha ma ħarġitx mill-kontinent Afrikan.  Madanakollu l-allarm jinsab madwar id-dinja kollha.
Grupp ta’ riċerkaturi, mmexxija minn Stephan Günther mill-Bernhard Nocht Institute for Tropical Medicine, irnexxielhom jibnu l-ewwel mumenti ta’ din l-epidemija.    
Skont in-New York Times, ġimgħa wara li miet it-tifel ta’ sentejn, mietet ommu, oħtu ta’ tliet snin u n-nanna. 
Kollha kemm huma kellhom deni ta’ żiemel u problemi fl-istonku. 
Il-ġurnal irrapporta li fil-funeral tan-nanna kien hemm żewġ persuni li ġew infettati u li mbagħad xerrdu l-virus fil-villaġġ tagħhom.
Sa Marzu li għadda, meta l-midja bdiet tirrapporta l-ewwel każi tal-Ebola, fil-Ginea kienu mietu għexieren ta’ persuni u fil-Liberja u s-Sjerra Leone bdew ifaqqsu l-ewwel każi ta’ infezzjoni.