Il-Kunsill tal-Mosta b’akkużi għall-Awtorità tal-Ippjanar minħabba nuqqas ta’ etika

Il-Kunsill Lokali tal-Mosta qed jakkuża lill-Awtorità tal-Ippjanar li “mxiet kontra kull etika”, meta mingħajr ma nfurmat lill-istess kunsill, bagħtet lill-ħaddiema tagħha biex ipinġu l-linji fit-toroq ta’ Santa Margerita li jimmarkaw l-ispazju li sejħet bħala “massiv” tal-applikazzjonijiet għall-iżvilupp.
Mill-ġdid il-Kunsill Lokali tal-Mosta qal li qed itenni l-pożizzjoni tiegħu u jagħmel pubbliċi t-talbiet li ressaq lill-awtoritajiet, fejn talab lill-Ministri konċernati biex b’deċiżjoni eżekuttiva, jirrevokaw u jwaqqgħu l-applikazzjonijiet għall-iżvilupp f’din iż-żona.
Il-Kunsill Lokali tal-Mosta fakkar kif iktar kmieni, diġà kien talab formalment biex jibda l-proċess ta’ reviżjoni parzjali tal-Pjan Lokali biex jitneħħa kull dubbju li xi darba jew oħra jista’ jsir xi żvilupp fil-pjazza ta’ Santa Margerita.
Il-Kunsill sostna li din il-pjazza hija l-pulmun u l-unika wesgħa ta’ din iż-żona u li tlaqqa’ lin-nies flimkien. Intqal li diġà saret laqgħa mal-Ministru għat-Trasport Ian Borg dwar din il-pjazza, sabiex tibqa’ waħda pubblika kif dejjem kienet għall-4,000 resident li jgħixu f’Santa Margerita.