​“L-ebda żieda għall-ħaddiema tal-HSBC Malta” – unjins

Il-General Workers Union u l-Independent Bankers Union – Voice of the Workers ikkundannaw il-ftehim kollettiv għall-ħaddiema tal-HSBC Malta għal din is-sena, meta sostnew li l-Bank ma offra l-ebda żieda lill-ħaddiema tiegħu.
Il-unjins qalu li l-Bank mhu se jħallas l-ebda żieda ġdida, minbarra dik li kien marbut jagħti b’żieda ta’ 1.75% fis-somma tas-salarji li tinqasam bejn l-impjegati kollha tal-Bank. Żiedu jgħidu li dan il-bonus qed jinqasam b’mod li sejħu bħala “illegali u diskriminatorju” tant li ħafna mill-ħaddiema se jieħdu biss żieda fil-bonus ta’ 1% minflok 1.75%.
Semmew kif anke r-rati tas-self għad-dar tal-impjegati hija disa’ darbiet iktar għolja minn dik ta’ ħaddiema tal-akbar banek kompetituri tal-HSBC Malta.
Il-General Workers Union u l-Independent Bankers Union Voice of the Workers temmew jgħidu li fl-isfond ta’ dan kollu, qed issejjaħ lill-impjegati kollha biex jingħaqdu flimkien u juru d-diżapprovazzjoni tagħhom għal dan il-ftehim. Isemmu li iktar aġġornamenti dwar din is-sitwazzjoni se jinħarġu fiż-żmien li ġej.