L-ebda żieda għall-films lokali

L-Assoċċjazzjoni Maltija tal-Produtturi tal-Films (MPA) qalet li fil-baġit li ġie ppreżentat it-Tnejn li għadda l-industrija tal-films lokali ma ngħatax il-kunsidirazzjoni adekwata. L-MPA qalet l-fond għall-films għall-produtturi Maltin baqa’ €600,000.

Min-naħa l-oħra l-Assoċċjazzjoni Maltija tal-Produtturi tal-Films qalet li tilqa’ r-retenzjoni ta’ €5.5 miljun f’cash rebate u ż-żieda minn €1.5 miljun għal €3 miljun  għall-faċilitajiet tal-Films Maltin.

L-assoċċjazzjoni spjegat li l-films Ewropej jiddependu mill-fond pubbliku u mingħajr s-sapport adekwat din l-industrija se tibqa’ tingħata l-ġenb. Fl-aħħar 20 sena l-reputazzjoni ta’ Malta fl-industrija tal-films ħadet ir-ruħ prinċipalment minħabba l-cash rebate li jingħata. Dan il-cash rebate żied għal 40%. L-MPA qalet li madankollu l-isforz li qiegħed isir mill-Ministeru mhux qiegħed ikun rifless  fis-sapport lejn il-produtturi lokali. Tenniet li l-produtturi tal-films qed isibu diffikultà biex isemmgħu leħinhom f’pajjiżhom u dan huwa rifless fil-baġit allokat għal din l-industrija.