“L-ebda tolleranza għal min jaħbi abbużi sesswali” – Il-Papa

Il-Papa Franġisku sostna li m’għandu jkun hemm l-ebda tolleranza għal persuni li jinstab li jkunu ħbew abbużi sesswali fuq persuni vulnerabbli biex jgħattu xtur min wettaq ir-reat.

Dan qalu f’ittra li kiteb wara r-rapport maħruġ mill-Ġurija Għolja ta’ Pennsylvania dwar bosta każijiet ta’ abbużi sesswali li nħbew minn sitt djoċesijiet.

Il-Papa insista li hemm bżonn li titrawwem kultura li tipprevjeni sitwazzjonijiet tat-tip u li tipprevjeni wkoll il-possibiltà li każijiet bħal dawn jiġu moħbija. Spjega li jinsab konxju tal-ħidma siewja li tagħmel il-Knisja ma’ persuni vulnerabbli sabiex tassigura s-sigurta u l-protezzjoni tagħhom.

L-ittra intitolata “Ittra lill-Poplu ta’ Alla” maħruġa mill-midja tal-Vatikan b’seba’ lingwi differenti, inkitbet bl-intenzjoni li titqassam madwar id-dinja kollha. L-ittra fiha madwar 2,000 kelma.

Fl-ittra l-Papa spjega li minkejja li l-azzjonijiet u s-sanzjonijiet ittieħdu tard, jinsab kunfidenti li se jiggarantixxu kultura aktar ideali għall-preżent u l-futur.

Il-Papa qal li jinsab konxju bit-tbatija li għaddew minnha bosta tfal u adoloxxenti li sofrew minn abbuż sesswali, ta’ poter u ta’ kuxjenza minn bosta persuni li jirrapreżentaw lill-Knisja f’xi kariga jew oħra. Irrimarka kif dawn huma kriminalitajiet li joħolqu tbatijiet kbar li l-ebda skuża jew atteġjamenti li jippruvaw jirranġaw il-ħsara li tkun saret ma huma suffiċjenti.

Talab skuża talli l-Knisja ma saritx taf b’dawn l-iżbalji qabel u ma ħaditx azzjoni f’waqtha. Qal li l-Knisja abbandunat liż-żgħar.

Tista’ taqra l-ittra sħiħa minn hawn.