L-ebda tir sparat fuq mijiet ta’ għasafar li waslu Malta – CABS

Ritratt: Patrick Spiteri

Mijiet t’għasafar tal-priża waslu Malta l-lejl li għadda, u qagħdu fil-Buskett. Skont rapporti tal-Kumitat kontra l-qtil tal-għasafar (CABS), l-ebda tir ma ġie sparat.  Apparti minn dawn l-għasafar, kien hemm ukoll madwar 600 għasfur ta’ razza differenti fil-post.

Fi stqarrija, il-Federazzjoni Kaċċaturi u Nassaba Konservazzjonisti ċċarat li din il-migrazzjoni rregolari saret fil-istaġun miftuh għall-kaċċa. L-FKNK qalet li għal din ir-raġuni, il-preżenza ta’ membri tal-Federazzjoni f’dan l-istaġun isservi ta’ deterrent għal atti illegali.

CABS stqarret li li kieku dan kellu jiġri għaxar snin ilu, għadd t’għasafar kienu jisfaw maqtula. B’hekk, kompla l-kumitat, hemm sinjal ċar ta’ bidla fil-komunità ta’ kaċċaturi Maltin. L-FKNK qalet li dan ma ġie rrappurtat mill-ebda midja nazzjonali, li fi kliem l-organizzazzjoni, tkun lesta biex tkabbar kull att illegali li jinvolvi l-qtil ta’ xi għasafar.