L-ebda theddida għas-sigurtà tal-pajjiż – Carmelo Abela

Il-Ministru għall-Intern Carmelo Abela ġie kkwotat jgħid li fil-preżent m’hawnx theddida għas-sigurtà tal-pajjiż.
Qal li ttieħdet id-deċiżjoni fil-Forzi Armati li s-suldati jingħataw l-armi. F’dawn l-aħħar sigħat kibru ferm l-ispekulazzjonijiet li żdiedet il-preżenza tas-suldati armati f’postijiet strateġiċi fosthom fil-Belt Valletta, il-Port il-Kbir u madwar l-ajruport.
Fil-midja soċjali oħrajn bdew jispekulaw li jista’ jkun li fil-port kien dieħel vapur, li kien telaq mil-Libja, fejn abbord kien hemm estremisti tal-Istat Iżlamiku.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li membri tal-Forzi Armati nżammilhom il-leave apparti li ngħataw armi ġodda, b'mod speċjali dawk li huma assenjati għas-sigurtà tal-ajruport. 
Carmelo Abela ċaħad li l-Forzi Armati ta’ Malta jinsabu ppreparati biex jiddefendu lil Malta minn xi attakk imminenti. 
Sostna li l-użu tal-armi mis-suldati hija parti minn prattika normali u enfasizza li m’hemmx konnessjoni mal-attakk terroristiku fil-lukanda Corinthia fi Tripli fil-Libja fil-ġranet li għaddew.