L-ebda tentattiv biex il-bdoti tal-Airmalta ma jħallsux taxxa

L-Assoċjazzjoni tal-Bdoti (ALPA) qalet ma’ Newsbook.com.mt li ma kien hemm ebda proposta mill-Gvern sabiex il-bdoti tal-Airmalta ma jħallsux taxxa tad-dħul fuq parti mill-paga tagħhom fil-ftehim kollettiv.
Il-Ħadd li għadda artiklu fis-Sunday Times of Malta qal li skont sorsi tal-Gvern deskritti “infurmati sewwa”, il-Ministru nnifsu Konrad Mizzi, kien qed jikkunsidra li jissuġġerixxi dan sabiex iwebbel lill-bdoti jilħqu ftehim mal-amministrazzjoni tal-Airmalta sal-aħħar tas-sena.
Kelliem għall-assoċjazzjoni qal lil Newsbook.com.mt li ma saritx tali offerta, fl-isfond tat-taħditiet bejn il-Gvern u l-Airmalta.
Il-Ministru kemm-il darba qal li jixtieq li l-ftehim kollettiv ikun milħuq sal-1 ta’ Jannar, iżda b’reazzjoni għall-artiklu tat-Times, kiteb fi tweet li l-istorja kollha kienet fabrikazzjoni waħda, filwaqt li żied jgħid li l-Gvern ma kien qed jikkunsidra xejn minn dak li ntqal fl-artiklu.
Il-kelliem għall-ALPA qal lil Newsbook.com.mt li l-assoċjazzjoni tiċħad li saret xi talba simili mill-Ministru Mizzi.
Madankollu s-sitwazzjoni fl-Airmalta għall-ftehim kollettiv mhix xi waħda feliċi. Il-Ministru kien qal f’Settembru li għadda li sa dak iż-żmien ma kien hemm ebda żblokk sabiex jintlaħaq ftehim mal-unjins differenti tal-ħaddiema tal-Airmalta.