L-ebda stqarrija mill-PM dwar iż-żjara fil-Libja

Il-Prim Ministru Robert Abela m’għamel l-ebda stqarrija fil-parlament dwar iż-żjara tiegħu fil-Libja tard il-ġimgħa li għaddiet. Wara l-ħin tal-mistoqsijiet, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia talab lill-Ispeaker Anġlu Farrugia biex jistaqsi lin-naħa tal-Gvern jekk kienx hemm stqarrija ministerjali dwar iż-żjara  tal-Prim Ministru u l-Minister għall-Intern Byron Camilleri u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo fil-Libja. Huwa qal li ftit ħarġet informazzjoni dwar din iż-żjara għajr li se jinfetħu xi ċentri ta’ akkoljenza għall-immigranti fil-Libja stess.

Il-Whip Laburista Glenn Bedingfield informa lill-Ispeaker li l-Gvern ma kellu l-ebda stqarrija x’jagħmel.

Il-Ħamis li għadda hekk kif intemmet ż-żjara. il-Gvern kien ħarġet stqarrija li tgħid li  l-Prim Ministru Robert Abela u l-Prim Ministru tal-Gvern Libjan Fayez al-Sarraj iddiskutew id-diffikultajiet li jaffaċċja l-Mediterran minħabba l-immigrazzjoni irregolari. L-istess stqarrija kienet tgħid li Dr Abela saħaq fuq il-ħtieġa li jitwaqqaf it-traffikar uman u qal li Malta dejjem għamlet li setgħet u rrispettat l-obbligi internazzjonali tagħha f’dan ir-rigward, imma ma tistax tibqa’ terfa’ l-piż waħedha.