L-ebda sorpriża fl-aħħar dibattitu bejn iż-żewġ mexxejja

Fl-aħħar dibattitu organizzat mill-Awtorita’ tax-Xandir fuq l-istazzjon nazzjonali, ma kien hemm l-ebda sorpriża f’dak li ntqal jew ġie ppreżentat mill-Prim Ministru Dr Lawrence Gonzi jew il-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Joseph Muscat. Il-preżentatur tad-dibattitu, li kien irrekordjat waranofsinhar, l-ġurnalist Reno Bugeja irringrazzjahom għal mod ċivili kif tkellmu.

Iż-żewġ kelliema appellaw lil dawk li nhar is-Sibt se jivvutaw għall-ewwel darba, biex jivvutaw b’għaqal. Dr Joseph Muscat ħeġġeġ liż-żgħażagħ jieħdu dan iċ-ċans biex tinbeda paġna ġdida fil-politika, hekk kif spjega li wasal iż-żmien tal-movimenti. Dr Lawrence Gonzi qal li kampanja elettorali twila kienet ‘worth-it’ għax il-votanti kellhom ċans ikejlu dak li jaqbel lilhom, jiġifieri li jkollhom xogħol u paga mingħajr l-inkwiet li hemm f’pajjiżi oħra.

Dr Muscat tkellem dwar l-għażla favur il-liberajiet ċivili. Qal li hu kburi li ħa pożizzjoni favur id-divorzju u li vvota darbtejn favur: fir-referendum u fil-parlament. Qal li d-divorzju issa sar parti mill-ħajja ta’ kuljum. Dwar l-ekonomija qal li bħalissa s-self-employed qed jitqiesu bħala kriminali mill-Gvern u t-taxxi huma forma ta’ ‘użura istituzzjonalizzata’.

Dr Gonzi qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni donnu jrid jaħbi x’qed jiġri f’pajjiżi Ewropej fejn hemm nies li mhux isibu xogħol. Staqsa x’inhu l-iskop li ladarba Malta għandha politika li qed iġġib ix-xogħol, tinbidel id-direzzjoni għal naħa li ħadd ma jaf fejn se twassal.

Il-Kap tal-Partit Laburista wieġeb li l-kontijiet tad-dawl u l-ilmu kissra l-familji u ġġamjaw l-ekonomija tal-pajjiż. Qal li l-PL ta pjan dettaljat kif se jorħos id-dawl. Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru sejjaħ bħala irresponsabbli l-proposta tal-power station li taħdem bil-gass u spjega li diġa’ hemm soluzzjonijiet bl-interconnector u li jitraħħsu r-rati matul il-lejl.

Dr Gonzi għalaq billi rringrazzja lill-poplu għall-privileġġ li tah li jmexxi l-pajjiż bħala l-PM. Qal li l-pajjiż miexi ‘l quddiem mertu ta’ kulħadd għax il-poplu ma’ jaqtax qalbu.