​“L-ebda soluzzjoni militari mhi tajba għas-Sirja” – Carmelo Abela

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela qal li ma teżisti ebda soluzzjoni militari li tista’ ttemm il-gwerra ċivili fis-Sirja.
Waqt li kien qed jindirizza laqgħa bejn il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE li saret fil-Bulgarija, Abela qal li azzjoni militari mhijiex soluzzjoni biex tissolva l-gwerra ċivili li ilha għaddejja fis-Sirja għal dawn l-aħħar serba’ snin.
Spjega li dan għandu jsir permezz ta’ process tranżitorju bl-għajnuna tal-Mibgħut Speċjali tan-Nazzjonijiet Maqgħuda fis-Sirja. 
Il-Ministru Carmelo Abela semma kif madankollu l-Unjoni Ewropea u l-komunità internazzjonali għandhom jibqgħu jaħdmu biex itaffu t-tbatijiet li għaddej minnhom il-poplu Sirjan. 
L-għajnuna umanitarja, kompla jispjega l-Ministru Abela, tibqa’ prijorità mhux għas-Sirja biss, iżda anke għall-pajjiżi ġirien tagħha li qed jilqgħu lir-refuġjati li qed jaħarbu mill-pajjiż. 
Ġew diskussi wkoll temi oħra marbuta mas-sigurtà u d-difiża.