L-ebda rumanz ma jingħata premju; tqum kontroversja

Il-ġurija fil-kategorija tar-rumanz tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb mogħtija mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb din is-sena ddeċidew li l-ebda mit-tliet kotba finalisti ma kien ħaqqu jingħata l-premju peress li dawn ma ssodisfawx il-kriterji.

It-tliet kotba finalisti kienu Castillo ta’ Clare Azzopardi, Kulħadd Barra Fajża ta’ John P. Portelli u The Reluctant Healer ta’ Lou Drofenik. Il-ġurija kienet magħmula minn Kevin Saliba, David Hudson u Dr Slavomir Ceplo.

“L-ebda rumanz ma spikka”

Il-ġurija qalet li donnu li ħafna mill-kittieba tal-kotba li kienu fuq il-longlist għall-Premju ma jaqrawx. Iddeskrivew il-kotba bħala monotoni u indifferenti għall-kuntest li nkitbu fih u l-kuntest li se jinqraw fih. Ikkonkludew li dawn il-kotba ma joffru xejn ġdid. Lil hinn minn dan, qalu li l-karattri fittizji ma kinux indipendenti mill-awtur li kiteb dwarhom. It-testi ddeskrivewhom bħala formulajċi u ripetittivi.

Żiedu jgħidu li t-tliet kotba li kienu finalisti kienu aħjar mill-bqija, iżda l-ebda minnhom ma spikka b’mod eċċezzjonali. Qalu li jemmnu li rumanz għandu jirbaħ il-Premju Nazzjonali meta hu differenti mhux biss mill-kotba li għandhom ċans jirbħu l-premju kontrih, imma għandhom ikunu differenti minn dak li jippretendi li jkun rumanz il-kuntest Malti.

F’kummenti fuq Facebook, wieħed mill-ġurija, it-traduttur Kevin Saliba, qal li mhux beħsiebu jkun apoloġetiku u jieħu responsabbiltà tad-deċiżjoni tiegħu. Wara din id-deċiżjoni, Saliba qal li ġie bblokkjat fuq Facebook minn xi nies li sejħilhom “sore losers.” “Dan-nies li jippretendu li jiktbu x’jiktbu dejjem ser jibqgħu jvinċu. Bħal donnhom jaħsbu li dina xi ħaġa minn ewl id-dinja li bilfors ser jikkonvinċu bil-ġenju letterarju tagħhom għax sempliċement kitbu xi ħaġa aħjar minn xi Emilio Lombardi,” qal Saliba.

Membru ieħor tal-ġurija, David Hudson, qal li bl-ebda mod m’huma qegħdin jgħidu li ktieb partikolari huwa ħażin, imma “l-istandard tant kien baxx din is-sena li ma kinitx tagħmel sens nagħtu premju. Aħna ħassejna li biex jirbaħ il-premju, ktieb għandu jkun eċċezzjonali. Forsi din tkun opportunità tajba biex niddiskutuh dan il-ktieb partikolari.”

“Deċiżjoni assurda”

Bosta ma qablux ma’ din id-deċiżjoni tal-ġurija, fosthom l-awturi Immanuel Mifsud u Adrian Grima. Mifsud qal li hu ta’ dispjaċir u sorpriża kbira għalih li l-premju ma ngħatax. Grima qal li din id-deċiżjoni tixħet dell ikrah fuq il-Premju nnifsu. Skont Grima, “Jekk il-ġurija qed tagħti lilha nfisha d-dritt li tassumi li dawn l-awturi ma jaqrawx, qed iddaħħal lilha nfisha fi sqaq li minnu ma toħroġx. Qed tikkundanna lilha nfisha.” Din id-deċiżjoni huwa sejħilha “assurda.” Il-lettur universitarju qal li minn din id-deċiżjoni “se jibqa’ l-isem ħażin li ngħata lir-rumanz Malti, speċjalment fost dawk li ma jaqrawx bil-Malti.”

Hudson irreaġixxa għal dan il-kumment ta’ Grima u qal li n-nies ma jaqrawx bil-Malti minħabba diversi raġunijiet, fosthom li l-letteratura Maltija mhix tradotta u hija inviżibbli. Hudson fiehem li, “Ma niħux gost inkun comparative imma kotba straordinarji Maltin jiġu ħafna f’moħħi. Castillo sempliċiment ma nimmaġinahx magħhom.”

L-Avukatessa Claire Bonello qalet li hemm imnejn li s-suġġett tar-rumanz Castillo, li hi sejħitlu kapolavur, werwer lill-ġurija. Castillo, ippubblikat mill-Merlin Publishers fl-2018, huwa dwar l-Ispettur Dennis Castillo waqt it-taqlib politiku tat-tmeninijiet.

Is-serata saret ilbieraħ filgħaxija fil-Palazz Sant’Anton f’Ħ’Attard. Din kellha ssir f’Novembru li għadda, iżda tħassret minħabba l-kriżi politika, u issa qed issir taħt il-patroċinju tal-President minflok taħt il-patroċinju tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru. F’diskorsu lbieraħ, iċ-Chairman tal-Kunsill tal-Ktieb qal li l-Kunsill ried jinfatam mill-OPM wara li dan kien implikat fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.