L-ebda risposta definittiva dwar jekk il-Gvern hux se jissospendi l-IIP

Battibek bejn il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia u l-Ministru għall-Ġustizzja, Owen Bonnici, ma wassalx għal risposta definittiva dwar jekk l-Gvern m’għandux intenzjoni li jissospendi l -Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment (IIP).

Madanakollu, mir-risposti li ta lill-ministru jidher li l-programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment jibqa’ għaddej.

Il-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari ġie meħud minn skambju ta’ mistoqsijiet u tweġibiet dwar l-Programm ta’ Ċittadinanza fid-dawl tal-investigazzjoni li sar fuq programm televiżiv Franċiż li fiha ġiet implikata kumpanija Maltija Chetcuti Cauchi li waqt filmat avukati ta’ din id-ditta qalu li kienu jafu sew lil għadd ta’ persuni fil-Gvern inkluż il-Prim Ministru.

Aqra ukoll: Il-PM ma jippublikax l-ittra ta’ sospensjoni ta’ Chetcuti Cauchi

Kien id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami li oriġinarjament staqsa lill-ministru jekk kumpaniji jistgħux jagħmlu reklami minn uffiċini governattivi nkluż tal-Prim Ministru biex ibiegħu l-passaporti.

Adrian Delia qal li dan hu bejgħ ta’ passaporti u mhux programm ta’ Investiment, peress li hemm prezz iffissat mill-Gvern, waqt li investiment m’hemm l-ebda garanzija li se jrendi l-flus.

Qatt ma wegħedna vantaġġi illegali lill-klijenti – Chetcuti Cauchi

Bonniċi qal li l-Gvern ma jbiegħx passaporti u jiżbalja minn jgħid dan għax iċ-ċittadinanza tingħata wara li min japplika għaliha jilħaq numru ta’ kriterji stabbiliti wara testijiet iebsin.

Huwa qal li l-allegazzjonijiet li saru fil-konfront tal-kumpanija Chetcuti Cauchi Advocates qed jiġu eżaminati u allura wieħed irid jistenna l-eżitu.

Aġenti taċ-ċittadinanza Maltija jiftaħru b’rabtiet mal-Gvern

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia staqsih jekk il-Gvern hux se jissospendi l-IIP fid-dawl ta’ dan il-każ.

Il-Prim Ministru jinawgura l-uffiċini ta’ Chetcuti Cauchi

Bonnici stqarr li din il-kwistjoni tikxef it-taħwid tal-Oppożizzjoni li qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali l-eks-Kap tal-PN Simon Busuttil ma qalx li jekk jitla’ jneħħiha imma li jirrevedi s-sistema.

Delia reġa’ taqsa dwar jekk il-Gvern hux se jissopendi l-iskema u stqarr li l-Ministru ħa 9 minuti biex iwieġeb u ma tax risposta definittiva. Huwa qal li din hi skema mill-aktar maħmuġa u tagħmel ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta.

Il-Ministru jirribatta billi qal li huma l-membri tal-Oppożizzjoni li jmorru f’fora internazzjonali jitkellmu kontra Malta li l-aktar li qed jagħmlu ħsara lill-pajjiż.