Il-Gvern ma jagħtix il-protezzjoni ta’ whistleblower lil Ferris

Aġġornata 12:55
L-External Whistleblower Unit fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru qalet li ġiet irrifjutata t-talba tal-eksuffiċjal tal-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU) Jonathan Ferris biex jingħata l-protezzjoni skont il-liġi tal-Whistleblower.
Dan għaliex fi kliem l-Avukat Ġenerali, Jonathan Ferris ma mexiex mar-rekwiżiti ta’ din il-liġi.
Philip Massa li huwa l-uffiċjal tal-External Whistleblower Unit sostna li għaldaqstant Jonathan Ferris ma jikkwalifikax għal dan l-istatus.
F’kontroprotest ġudizzjarju fil-każ ta' Ferris, kemm il-Prim Ministru, il-Ministru għall-Ġustizzja u l-Avukat Ġenerali qalu li huma mhumiex id-difensuri kompetenti f’dan il-każ.
Żiedu wkoll li qed jastjenu milli jikkummentaw aktar dwar dan il-protest ġudizzjarju.
Jonathan Ferris kien ressaq protest ġudizzjarju wara li l-Gvern naqas milli jipprovdilu status ta’ whistleblower fejn kien akkużah li qed itawwal il-proċess. Dan minkejja assikurazzjonijiet li qal li kienu għamlu l-Prim Ministru u l-Ministru għall-Ġustizzja quddiem membri tal-Parlament Ewropew.
Filwaqt li esprimew id-diżappunt tagħhom għar-risposta tal-Gvern, l-avukati ta’ Ferris qalu li l-azzjonijiet tiegħu mhumiex se jieqfu hawn.
Mingħajr din il-protezzjoni, Ferris jista’ jeħel sa massimu ta’ ħames snin ħabs jew multa ta’ €100,000 għax kixef allegata korruzzjoni fi żmien li kien jokkupa kariga fi ħdan l-FIAU.
In-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili jikkundanna din “l-omertà istituzzjonalizzata”
Intant in-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili ikkundanna bla ebda riżerva d-deċiżjoni tal-External Whistleblower Unit u qal li din hija prova oħra li l-awtoritajiet Maltin ma jridux li jintefa’ dawl fuq allegazzjonijietserji ħafna ta’ reati kriminali fir-rigward ta’ membri tal-gvern Malti.
Aċċennat għal dik li sejħet bħala “omertà istituzzjonalizzata” li mhux biss qed jipprovaw jitfgħu allegazzjonijiet ta’ reati kriminali taħt it-tapit, iżda wkoll biex jikkanċellaw l-memorja tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.