L-ebda proposta għal pompa tal-petrol f’Għawdex

Il-Ministru tat- Trasport u l-Infrastruttura Ian Borg qal li m’hemm l-ebda applikazzjoni pendenti mal-Awtorità tal-Ippjanar dwar pompi tal-petrol ġodda f'Għawdex.
Meta kien qed iwieġeb għall-mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Chris Said, il-Ministru spjega li bhalissa l-awtorità għandha quddiemha żewġ applikazzjonijiet għal rinovar ta’ pompi eżistenti u mhux għal pompi ġodda.
L-Awtorità tal-Ippjanar approvat 23 applikazzjoni relatata ma’ pompi tal-petrol f’Ghawdex mill-1993 sal-lum.
Ftit tal-ġimgħat ilu, il-gazzetta Sunday Times żvelat li wara l-introduzzjoni tal-policy kontroversjali Fuel Service Stations Policy tal-2015, hemm 14-il applikazzjoni pendenti dwar proposti għal bini ta' pompi tal-petrol ġodda quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar.
Meta tpoġġi l-proposti kollha ħdejn xulxin il-medda tal-art li qed tkun proposta li tintuża tammonta għal 6,500 metru kwadru ta’ art verġni jew ħames darbiet il-kobor tal-Fosos tal-Furjana.