“L-ebda politiku interrogat dwar l-assassinju ta’ Daphne” – Proġett Daphne

L-ebda politiku ma ġie interrogat waqt l-investigazzjonijiet dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. 
Dan ħareġ fuq it-Times of Malta, li hija parti mill-Proġett Daphne li qed jaħdmu fuqu grupp ta' 45 ġurnalist biex ikomplu x-xogħol li bdiet il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.  Dawn il-ġurnalisti ilhom ħames xhur jaħdmu fuq il-proġett "janalizzaw is-sejbiet tagħha, jiġbru dokumenti u jitkellmu ma' sorsi".
It-Times tikkwota lis-sors jgħid li l-Pulizija jemmnu li l-persuna li ordnat l-assassinju x'aktarx kienet parti minn grupp ta' kriminalità organizzata u li wieħed m'għandux jassumi li kien hemm xi pjan sigriet b'mottiv politiku. 
Ġie rrappurtat ukoll li minn investigazzjoni li ra l-ġurnal, il-Pulizija temmen li s-suspettati tal-qtil kellhom indikazzjoni li kienu se jiġu arrestati.  F'Diċembru li għadda ġew arrestati 10 persuni. Bħalissa għaddejja kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta' tlieta minnhom.
Is-sors jgħid li l-investigaturi issa qed jinvestigaw ir-rabtiet ta' dawn is-suspettati biex jiskopru min ordna l-qtil. It-teorija hija li Caruana Galizia setgħet rifset il-kallu ta' mill-inqas wieħed mill-kriminali. 
Sors tas-servizzi sigrieti barrani qal lill-ġurnalisti tal-Proġett Daphne, li s-servizzi sigrieti f'Malta ma kellhom l-ebda ħjiel dwar il-pjan ta' bomba. 
It-Times ippublikat filmat li juri d-dgħajsa li allegatament minn fuqha ġiet attivata l-bomba. 
"Investigaturi frustrati minħabba nuqqas ta' fiduċja mill-familja ta' Daphne"
Is-sit irrapporta wkoll li investigaturi qalu li kienu frustrati minħabba n-nuqqas ta' fiduċja mill-familja ta' Daphne.
Jgħid li meta kkuntattjaw lil oħt Daphne, Corinne Vella, qalet li oħtha żgur li qatt ma riedet li l-laptop tagħha jkun f'idejn l-awtoritajiet. 
Vella qalet kif Daphne dejjem kienet taħbi l-laptop tagħha qabel toħroġ, biex tipproteġi s-sorsi tagħha. Saħqet li kienet taf li kull informazzjoni li setgħet tasal għand il-Pulizija kienet tmur dritt għand l-istess nies fil-Gvern li hi kienet qed tinvestiga.