ESKLUSSIVA: ​“L-ebda passi kontra Vassallo” – Sorsi fil-PN

Sorsi infurmati ħafna qrib il-Partit Nazzjonalista qalu lil Newsbook.com.mt li l-partit mhux jippjana li jieħu passi fil-konfront tad-Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo, wara li fil-vot parlamentari dwar l-introduzzjoni taż-żwieġ gay, huwa vvota kontra l-linja tal-partit. L-istess sorsi qalu li din kienet il-pozizzjoni sa mill-bidu nett.
Skont informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt, minn meta għaddiet li-liġi dwar żwieġ gay la ltaqa’ l-Kunsill Amministrattiv tal-PN u lanqas il-Kunsill Eżekuttiv. L-istess sorsi komplew jgħidu li anke meta eventwalment jiltaqgħu dawn il-kumitati, mhux mistenni li jkun hemm bidla fid-direzzjoni tat-tmexxija li ma jittieħdux passi minħabba l-vot.
Vassallo kien l-uniku deputat minn 67 li vvota kontra t-tibdil f’din il-liġi. Huwa kien qal ma' Newsbook.com.mt li kien jaqbel mal-kunċett tal-liġi, iżda ma kienx jaqbel  mal-kontenut tagħha u li l-liġi kif miktuba kienet tmur lil hinn minn dak imwiegħed fil-programmi elettorali.
Fil-jiem ta’ wara l-vot, mistoqsi mit-Times of Malta dwar jekk il-PN hux se jieħu passi dixxiplinarji fil-konfront ta’ Vassallo, kelliem għall-PN kien qal li l-każ se jgħaddi għand l-istrutturi relevanti fil-partit “għall-kunsiderazzjoni u d-deċiżjoni tagħhom”.
Madanakollu, il-fatt li l-Partit Nazzjonalista, qatt ma ħabbar pubblikament x'se jagħmel, qanqal spekulazzjoni dwar x'jista’ jiġi deċiż dwar Vassallo, u li jekk Vassallo jingħata ‘kastig’, tkompli tikber il-qasma fil-partit dwar dan is-suġġett.
Konxju li jista’ jitwarrab f’deżert politiku
Fil-jiem li għaddew fuq Facebook, Edwin Vassallo rrefera għal artiklu li kiteb l-eks Ministru Nazzjonalista Michael Falzon fuq The Times of Malta u saħaq li “konxju li d-deċiżjoni tiegħu tista’ twassal biex jispiċċa mwarrab f’deżert politiku, u li jekk isir hekk għalih ikun ta’ unur, għax ikun twarrab għax stqarr dak li dejjem emmen fih. 
Saħaq li hu jemmen fil-valuri umani, li huma fuq kollox valuri nsara, li sawru lill-Partit Nazzjonalista u li tawh l-identità tiegħu.
Edwin Vassallo żied jgħid li hu jaċċetta b’umiltà kull deċiżjoni tal-PN, iżda sostna li l-ebda deċiżjoni mhu se żżommu milli jibqa’ jaħdem biex jara li jirbaħ l-ideal li jemmen fih. 
Minbarra li sab appoġġ minn diversi membri tal-partit, infetħet ukoll petizzjoni onlajn b’turija ta’ apprezzament għall-kuraġġ ta’ Edwin Vassallo, li sa issa attirat biss 830 firma.