L-ebda passi kontra ċ-Chairman tal-Gozo Channel

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri kkonferma li ma ttieħdu l-ebda passi kontra ċ-Chairman tal-Gozo Channel Joe Cordina għall-kummenti offensivi li huwa kiteb fuq Facebook li kien immirat lejn żagħżugħ Malti.

Cordina kien kiteb il-kliem oxxeni taħt post tal-attivist Xandru Cassar, wara li l-Gvern iddeċieda li jdaħħal lill-immigranti li kienu fuq il-bastimenti bejn sema u ilma għal 40 jum.

Għall-mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Kevin Cutajar dwar f’passi dixxiplinarji ttieħdu, il-Ministru Camilleri wieġeb billi rrefera lil Cutajar għall-apoloġija pubblika li għamel Cordina. Camilleri stqarr ukoll li huwa kien immedjatament qal li ma jaqbilx ma’ dawn il-kummenti.

Il-Kunsill Nazzjonali taż-Żagħażagħ (KNŻ) kif ukoll l-għaqda Repubblika kienu urtati bl-aġir ta’ Cordina speċjalment minħabba l-użu ta’ kliem oxxeni u kliem ta’ mibiegħda li qajjem il-kumment ta’ Joe Cordina. Il-KNŻ qal fi stqarrija li l-kliem ta’ Cordina kienu abbużivi u kundannabbli. Fi stqarrija separata, Repubblika talbet ukoll għar-riżenja ta’ Cordina.