“L-ebda pajjiż ma jagħżel lill-Kummissarju b’żewġ terzi tal-Parlament” – Farrugia

Miguela Xuereb

Il-Ministru għall-Enerġija Michael Farrugia qal li l-proposta tal-Partit Nazzjonalista li l-kummissarju tal-pulizija jintgħażel b’żewġ terzi tal-Parlament ma tintuża mkien fid-dinja.

L-eks Ministru għall-Intern Michael Farrugia kien qed jitkellem fid-dibattitu dwar emendi fil-liġi tal-pulizija.

Min-naħa tiegħu, l-eks-ministru għall-Ġustizzja Owen Bonniċi qal li l-bidla fil-funzjoni tal-Avukat Ġenerali u l-ħatra tal-Avukat tal-Istat issa ndrat minn kulħadd minkejja li l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali kien ilu stabbilit għal aktar minn 100 sena.

Huwa qal li l-pass li jmiss wara l-ħatra ta’ kummissarju hi li l-funzjoni tal-Prosekuzzjoni tgħaddi minn taħt idejn il-pulizija għal taħt l-Avukati Ġenerali.

John Rizzo kien the best – Carm Mifsud Bonniċi

Id-deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonniċi qal li l-eks Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo “kien the best” u kienet deċiżjoni riresponsabbli tal-Prim Ministru Joseph Muscat meta neħħieh mill-kariga tiegħu.

Huwa qal li l-livelli fil-Korp tal-Pulizija wara John Rizzo bdew neżlin biċċa biċċa. Id-deputat Nazzjonalista kompla jgħid li l-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku m’għandhiex l-expertise biex taħtar l-aħjar persuna fir-rwol ta’ kummissarju tal-pulizija.

“F’liema pajjiż fid-dinja, il-kummissarju tal-pulizija jintgħażel mill-public service commission. Meta tiġi biex tagħżel kummissarju tal-pulizija hemm elementi li jaqbżu dawk ta’ sempliċi direttur. 

“Qed nitkellmu fuq second in command tal-Avukat Ġenerali u l-Avukat tal-Istat, element essenzjali kontra l-ġlieda tal-kriminalità”.

Huwa qal li l-persuna magħżula jrid ikollha ċertu awareness, xamma fl-investigazzjoni. Mifsud Bonniċi qal li b’dan il-proċess ta’ ħatra l-Gvern qed ineħħi l-ġebla tax-xewka għax il-kummissarju tal-pulizija jrid igawdi l-fiduċja taż-żewġ naħat tal-Parlament.