L-ebda multa għal min jinqabad bla maskra – il-Gvern

REUTERS/Juan Medina

Il-Gvern iċċara li min jinqabad f’xi ħanut waqt li ma jkunx liebes maskra mhux se jeħel multa.

Kelliema għall-Ministeru għas-Saħħa qalet lil Newsbook.com.mt li “m’huwiex minnu li min jinqabad bla maskra, se jeħel pieni.” Spjegat li l-għan tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika huwa wieħed ta’ edukazzjoni. Madanakollu, il-ħwienet xorta m’għandhomx idaħħlu konsumaturi li ma jkunux lebsin maskra.

“Il-poplu Malti u Għawdxi wera fl-aħħar ġimgħat li kapaċi jkun dixxiplinat u responsabbli,” qalet il-kelliema. Saħqet li l-miżura li persuni vulnerabbli jibqgħu d-dar “irnexxiet”.

Żiedet tgħid li ħafna nies libsu l-maskri biex jidħlu fil-ħwienet mal-ewwel jum li fih daħal fis-seħħ dan l-obbligu.

“F’każ ta’ ksur persistenti, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika għandha d-dritt li tikkunsidra d-dħul ta’ twissijiet u eventwalment infurzar raġjonevoli. Ma teżisti l-ebda intenzjoni li jitressqu kwereli kriminali biex nies jispiċċaw b’multi esaġerati jew jintbagħtu l-ħabs. L-unika ħsieb huwa li jittieħdu l-passi neċessarji skont il-linji gwida biex titħares is-saħħa pubblika,” qalet il-kelliema.

Fil-Ġermanja min ma jilbisx maskra jista’ jeħel multa ta’ bejn €25 u €10,000. Dan jiddependi fuq f’liema stat tkun seħħet il-kontravenzjoni.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn