​L-ebda mara m’għandha tħossha mhedda għax hi mara – il-President

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li l-ebda mara m’għandha tħossha mhedda b’ħajjitha sempliċiment għax hija mara.
Fil-ftuħ tal-Osservatorju Ewropew dwar il-Qtil tan-Nisa fl-1 ta’ Frar, il-President qalet li dan l-ftuħ kien il-frott tal-proġett bl-isem ta’ Femicide across Europe tal-Kooperazzjoni tal-Unjoni Ewropea għax-Xjenza u t-Teknoloġija (COST).
Coleiro Preca qalet li r-riżultati ta’ dan il-proġett urew li hemm bżonn li jitwaqqaf dan l-Osservatorju. Żiedet tgħid li kienet ħasra li l-Kummissjoni Ewropea m’għarfitx l-importanza biex jitwaqqaf osservatorju kkwalifikat taħt il-ġurisdizzjoni tal-istess Kummissjoni. Madanakollu, il-President qalet li tinsab kburija bl-Università ta’ Malta li rat li kien hemm bżonn entità ta’ din it-tip.
Il-President qalet li l-Osservatorju se jkun qed jiġbor u jorganizza l-informazzjoni relevanti li jikseb minn madwar l-Ewropa.
Il-President saħqet li miżuri li jittieħdu għandhom ikunu parti minn trasformazzjoni akbar fis-soċjetajiet. Fi kliem il-President, il-viżibilità tan-nisa trid tkun prijorità.
Waqt id-diskors tagħha, il-President qalet li wieħed m’għandux joqgħod ċass quddiem ir-riżultati tal-istħarriġ li sar mill-Kummissjoni Ewropea li żvela li mara minn kull tlieta mill-età ta’ 15-il sena ‘l fuq fl-Unjoni Ewropea kienet il-vittma ta’ xi tip ta’ vjolenza sesswali jew fiżika.
Din l-attività saret fl-Università ta’ Malta.