“L-ebda mara ma għandha tgħix fil-biża’ li tinqatel mir-raġel”

emPOWer sostniet li l-ebda mara ma għandha tgħix fil-biża’ li tinqatel minn raġel abbażi tal-ġeneru. emPOWer hija pjattaforma ta’ 17-il organizzazzjoni tan-nisa li ngħaqdu mill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca.

Dan qalitu fi stqarrija fejn spjegat li Malta kienet waħda mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li ffirmat il-Konvenzjoni ta’ Istanbul kontra l-vjolenza fuq in-nisa, madanakollu rrimarkat li n-nisa xorta għadhom f’periklu kbir ta’ femiċidju. Il-pjattaforma tal-għaqdiet tan-nisa sostniet li r-rata ta’ femiċidju f’Malta qiegħda dejjem tiżdied milli tonqos u għamlu referenza għall-qtil brutali ta’ Lourdes Agius f’Raħal Ġdid. Is-sieħeb tagħha qed jiġi akkużat bil-qtil.

L-organizzazzjonijiet fi ħdan emPOWer qed jitlobu lill-awtoritajiet kollha kompetenti sabiex ikunu aktar kommessi, jaħdmu b’mod aktar immedjat u jkun hemm sens ta’ urġenza fejn jidħol kull tip ta’ vjolenza fuq in-nisa f’Malta. Sostnew li n-nuqqas ta’ azzjoni qed twassal sabiex dawn l-imwiet jibqgħu jiżdiedu.

L-istqarrija kienet iffirmata minn Lorraine Spiteri u Stephanie Falzon, ko-presidenti ta’ emPOWer.