“L-ebda kontinent waħdu ma jista’ jikkontrolla l-isfida tal-immigrazzjoni”

Il-membru tal-Parlament Ewropew Alfred Sant sostna li l-ebda pajjiż waħdu jew l-ebda kontinent waħdu ma jista’ jiffaċja l-isfida tal-immigrazzjoni.
Il-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi fil-Parlament Ewropew qed jagħti prominenza lil din id-dikjarazzjoni ta’ Alfred Sant qabel il-Valletta Summit dwar l-immigrazzjoni.
Alfred Sant qal li soluzzjoni Ewropea għall-kriżi hija ffokata biss fuq il-bini ta’ ħitan u deportazzjoni sfurzata tal-immigranti u li din mhix tweġiba għall-kriżi li għandna quddiemna.
Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew qal li huwa simboliku li s-summit dwar l-immigrazzjoni se jsir f’Malta, li għal sekli twal kienet il-mogħdija bejn l-Ewropa u l-Afrika.
Saħaq li din il-pożizzjoni dehret ċara fl-aħħar snin b’żieda fl-għadd ta’ refuġjati li waslu f’Malta mill-Afrika fi triqithom lejn l-Ewropa.