“L-ebda konsultazzjoni mill-Ministeru tas-Saħħa” – MUMN

Il-President tal-Union tal-Infermiera u Qwiebel, Paul Pace qal li ma teżisti l-ebda konsultazzjoni u kuntatt min-naħa tal-Ministeru tas-Saħħa.

Waqt l-ewwel laqgħa bejn l-MUMN u Dr Simon Busuttil bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, Paul Pace qal li jiddispjaċih li kellu juża l-mezzi tax-xandir biex iressaq il-kwistjoni dwar is-sitwazzjoni f’Monte Karmeli.

Il-Kap Nazzjonalista ddeskriva din is-sitwazzjoni bħala xokkanti u saħaq li għandha tittieħed azzjoni immedjata u jiġi ċċarat x’qed jiġri f’dan l-isptar.

Dwar il-mediċina out-of-stock, Busuttil qal li s-sitwazzjoni hija inaċċettabbli u sostna li fi kliem l-ispiżjara s-sitwazzjoni hija allarmanti. Ammetta li taħt Gvern Nazzjonalista kien hemm problema tal-mediċini  out-of-stock u li mhux qed jistenna li f’sitt xhur Gvern Laburista kellu jsolvi s-sitwazzjoni. Madanakollu  qal li tasal f’dan il-punt mhux aċċettabbli.

Dr Busuttil qal “Meta nitkellmu fuq il-mediċini, inkunu qed nitkellmu fuq l-uġigħ tan-nies”.

Il-President tal-MUMN qal li huwa sodisfatt bil-ftehim kollettiv mal-ħaddiema u l-investiment fl-Isptar Mater Dei, taħt l-amministrazzjoni preċedenti.

Sostna li jinsab diżappuntat bit-transfers f’San Vincenz de Paul u n-nuqqas ta’ sodod fl-Isptar Monte Karmeli.

Paul Pace qal li l-130 infermier li għadhom kif iggradwaw u applikaw biex jaħdmu mal-Gvern, għadhom jistennew biex jissejħu għall-interview. Żied jgħid li l-għadd tal-infermiera għandu jirdoppja, għax id-domanda għas-servizz dejjem qed tiżdied.