L-ebda każ ta’ trażmissjoni domestika fiċ-Ċina

A computer image created by Nexu Science Communication together with Trinity College in Dublin, shows a model structurally representative of a betacoronavirus which is the type of virus linked to COVID-19
NEXU Science Communication/via REUTERS/Files

Il-Kummissjoni tas-Saħħa taċ-Ċina ddikjarat li l-każijiet kollha l-ġodda li nstabu nhar l-Erbgħa kienu każijiet riċenti li daħlu minn barra l-pajjiż, hekk kif l-Awstralja u New Zealand għalqu l-fruntieri għal wasliet minn barra l-pajjiż.

Din kienet l-ewwel darba minn meta faqqa’ l-virus fiċ-Ċina li ma ġie rrappurtat l-ebda każ ġdid ta’ trażmissjoni diretta. L-34 każ ġdid li ġew irrappurtati kienu kollha persuni li daħlu minn barra l-pajjiż. Dan qanqal tħassib dwar mewġa ġdida ta’ infezzjonijiet minħabba persuni li qed jirritornaw lura lejn pajjiżhom. Intant kien hemm tmien imwiet f’Hubei, u għalhekk it-total għal pajjiż tela’ għal 3,245 skont il-kummissjoni. Minn aktar minn 81,000 każ ta’ persuni infettati rrappurtati minn meta feġġ il-virus, huma biss 7,263 li għadhom morda.

Din l-aħbar tajba waslet hekk kif l-Awstralja u New Zealand it-tnejn ħabbru li se jagħlqu l-fruntieri tagħhom għal persuni li mhumiex residenti u mhumiex ċittadini. Ftit ħin qabel, il-gżira ta’ Tasmania ħabbret stat ta’ emerġenza u għalqet il-pajjiż kollu.

Minkejja kritika kontinwa għaċ-Ċina li għall-ewwel żammet lura informazzjoni u damet ma rreaġixxiet b’mod effettiv kontra l-virus, issa l-pajjiż huwa minn ta’ quddiem fil-ġlieda kontra l-pandemija, u qed joffri assistenza lil pajjiżi oħra li huma affettwati.

Fit-23 ta’ Jannar, Wuhan u tlett ibliet oħra, Huanggang, Ezhou u Chiba, tpoġġew taħt lockdown, minn fejn hu stmat li madwar 5 miljun persuna telqu qabel ma ngħalqu l-ibliet. L-awtoritajiet waqqfu t-trasport pubbliku u ħadd ma seta’ juża l -karozza, u bdew ukoll spezzjonijiet fid-djar. Baqgħu joperaw biss supermarkits u spiżeriji, u l-iskejjel u l-universitajiet baqgħu magħluqa. Uħud mir-restrizzjonijiet tneħħew fil-bidu ta’ Marzu, meta reġa’ beda t-trasport pubbliku u l-produzzjoni ta’ provvisti meħtieġa. Aktar kmieni din il-ġimgħa tneħħew aktar restrizzjonijiet fuq l-ivjaġġar, u b’hekk persuni reġgħu bdew jidħlu minn barra l-belt għal skopijiet ta’ xogħol.

Hekk kif aktar pajjiżi qed jagħlqu l-fruntieri tagħhom biex jippruvaw iwaqqfu l-firxa tal-virus, eluf ta’ persuni għamlu minn kollox biex jerġgħu lura f’darhom, u dan ikkawża tħassib li jista’ jkun hemm mewġa ġdida ta’ każijiet f’pajjiżi bħaċ-Ċina, is-Singapore, it-Tajwan u Hong Kong.

F’Hong Kong persuni li daħlu lura fil-pajjiż qabel l-għeluq tal-ivvjaġġar se jkollhom josservaw perjodu ta’ kwarantina u jilbsu brazzuletti elettroniċi biex jiġi kkontrollat iċ-ċaqliq tagħhom. Dan ir-reġjun awtonomu rrapporta biss 192 każ wara azzjoni immedjata li ttieħdet, madankollu ċ-ċifri ta’ kuljum qed jiżdiedu l-aktar fost persuni li ġew lura minn barra il-pajjiż. F’Singapore kien hemm 47 każ ġdid irrappurtat, li 33 minnhom kienu impurtati.

Hekk kif in-numru ta’ każijiet madwar id-dinja żdied għal aktar minn 200,000 il-WHO ddeskriviet il-virus bħala “għadu kontra l-umanità.” “Il-coronavirus qed jippreżenta theddida li qatt ma rajna qabel,” qal Tedros Adhanom Ghebreyesus, fejn sejjaħ għal kollaborazzjoni bejn il-pajjiżi u biex tittieħed azzjoni preventiva immedjata fl-Afrika, ir-reġjun l-inqas milqut mill-pandemija.

Il-maġġoranza tal-każijiet bħalissa tinsab fl-Ewropa, fejn 250 miljun persuna huma milquta minn diversi lockdowns f’pajjiżi differenti, u l-Amerika rrappurtat aktar minn 7,000 każ. Il-Prim Ministru Ġermaniż, Angela Merkel, qalet li din il-pandemija hija “l-akbar sfida mit-tieni gwerra dinjija”. 

L-Italja, il-pajjiż li ntlaqat l-agħar minn dan il-virus, nhar l-Erbgħa rrappurtat l-ogħla numru ta’ mwiet fi żmien 24 siegħa, b’ċifra ta’ 475 persuna. S’issa mietu 2,978 persuna, b’36,000 każ irrappurtat. Madwar 4,000 persuna fiequ mill-virus, u 2,250 għadhom rikoverati fil-kura intensiva.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn