L-ebda każ ta’ coronavirus fi djar residenzjali tal-Gvern – Falzon

Il-Ministru Michael Falzon sostna li m’hemm l-ebda persuna li nstabet pożittiva għall-coronavirus u li hija residenti f’waħda mid-djar residenzjali tal-Gvern sal-11am illum.

Il-Ministru kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti wara konferenza tal-aħbarijiet fejn is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Mark Musu, ta redikont dwar it-tqassim ta’ għajnuna soċjali li qed jamministra l-Ministeru.

Falzon qal li l-Gvern għandu f’idejh tmien djar oħrajn barra dik ta’ San Vinċenz de Paule fejn hemm mal-1,100 pazjent. Spjega li wħud mid-djar residenzjali tal-Gvern huma mħaddma minn kuntrattur privat. Qal ukoll li l-Gvern jikri xi sodod mingħand residenzi private oħrajn.

Spjega li b’dan l-arranġament, il-Gvern għandu f’idejh ‘il fuq minn 3,000 sodda. Sostna li fir-residenzi fejn b’xi mod jew ieħor jamministra l-Gvern u jaqgħu taħt il-Ministeru ma tfaċċa l-ebda każ tal-coronavirus.

Is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci ħabbret dalgħodu li matul il-jum tal-lbieraħ żdiedu aktar it-testijiet, u fosthom instabu sitta pożittivi b’wieħed mill-każi impurtati. Issa fil-pajjiż hawn total ta’ 299 persuna li nstabet pożittiva.