L-ebda każ f’Malta; Il-Gvern b’appell dwar il-coronavirus

Read in English.

Il-Gvern iddikjara li f’Malta m’hawn l-ebda każ tal-coronavirus s’issa.

Madankollu, fi stqarrija, il-Gvern ħabbar li qed jespandi s-sorveljanza tiegħu għal iżjed pajjiżi.

Dawk li jkollhom deni, sogħla jew qtugħ ta’ nifs fi żmien ġimagħtejn wara li jżuru l-pajjiżi msemmija, għandhom imorru għand it-tabib tal-familja jew jikkuntattjaw lill-Awtoritajiet tas-Saħħa fuq 21324086. Il-pajjiżi huma dawn:

  • Iċ-Ċina
  • Il-Hong Kong
  • Singapore
  • Il-Ġappun
  • L-Iran
  • Il-Korea t’Isfel
  • L-Italja ta’ Fuq – Il-Lombardija, Piedmont, Veneto u Emilia-Romagna

Il-Gvern avża biex dawn in-nies ma jmorrux fiċ-ċentri tas-saħħa mill-ewwel.

L-awtoritajiet tas-saħħa qed javżaw lin-nies biex jevitaw li jsiefru bla bżonn fil-pajjiżi msemmija. Nies ġejjin lura minn dawn il-postijiet huma mitlubin biex jinżammu kwarantina għal ġimagħtejn.

Il-Gvern fakkar ukoll biex jittieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa għall-prevenzjoni tal-infezzjonijiet respiratorji – li n-nies jaħslu jdejhom, ma joħorġux jekk iħossuhom ma jifilħux u jużaw tissue biex jgħattu ħalqhom jekk jisogħlu.

Dr Martin Balzan, il-President tal-Medical Association of Malta, qal lil Newsbook.com.mt li lbieraħ waslu żewġ passiġġiera minn fuq titjira minn Bergamo li kellhom id-deni. Huma qegħdin jinżammu għall-osservazzjoni.