L-ebda każ attiv f’Casa Antonia; inqas minn 10 f’Dar San Ġużepp – Falzon

DOI - Jason Borg

Read in English.

Il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li jidher li ma fadal l-ebda każ ta’ Covid-19 fid-dar Casa Antonia f’Ħal Balzan, waqt li l-każijiet pożittivi f’Dar San Ġużepp fil-Fgura huma ftit inqas minn għaxra, peress li fiequ ‘l fuq minn 100.

Dan qalu waqt il-ħin tal-mistoqsijiet fil-Parlament. Huwa qal li l-ebda dar tal-anzjani oħra ma kienet affettwata, tant hu hekk li l-każijiet misjuba kienu każijiet iżolati.

Madwar għaxart ijiem ilu, raġel li kellu lill-ġenituri tiegħu joqogħdu f’Dar San Ġużepp għamel appell iddisprat fil-mezzi soċjali għax qal li r-residenza ma kinitx qed tieħu ħsieb lil missieru kif xieraq wara li tilef lil ommu, li kienet toqgħod fid-dar, għall-Covid-19. Ir-residenza mbagħad kienet ikkjarifikat is-sitwazzjoni u ħabbret li kellha biss 33 każ attiv.

Fuq tema oħra, Falzon ħabbar li l-Gvern mistenni jagħti żieda oħra fil-pensjonijiet fil-baġit apparti l-għoli tal-ħajja. Huwa qal li b’hekk il-Gvern se jkun qiegħed mhux biss iwettaq miżuri oħra, iżda jaqbeż it-€8 żieda li wiegħed fil-programm elettorali.

Is-sitwazzjoni fid-djar tal-anzjani sa ftit ilu
Filmat: 42 persuna bil-coronavirus fl-isptarijiet