L-ebda illegalità tal-kaċċa ma tressqet il-Qorti fl-2018 – BirdLife Malta

BirdLife Malta sostniet li l-ebda illegalità tal-kaċċa dwar il-gamiema ma tressqet il-Qorti matul is-sena li għaddiet. Dan qaluh meta ġew mistiedna waqt laqgħa tal-Kumitat Ornis, flimkien mal-Pulizija, sabiex jiddiskutu l-pjanijiet marbutin mal-infurzar tul il-perjodu tal-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa fir-Rebbiegħa.

Waqt il-laqgħha l-BirdLife Malta fakkret li minkejja l-isforzi li saru s-sena l-oħra, lanqas kaċċatur wieħed ma tressaq quddiem il-ġustizzja u dan minkejja li BirdLife Malta pprovdiet evidenza konkreta ta’ kaċċa illegali lill-Pulizija. Fl-istqarrija ġie spjegat li f’każ partikolari, BirdLife Malta għaddiet filmati ta’ uffiċjal tal-Federazzjoni Kaċċaturi u Nassaba Konservazzjonisti li deher jispara u jniżżel gamiema waqt l-istaġun tal-kaċċa għas-Summien tas-sena l-oħra.

L-għaqda sostniet li hija responsabbiltà tal-Gvern li jiżgura li l-Korp tal-Pulizija ssegwi każi ta’ kaċċa illegali għall-gamiem. Spjegat li n-nuqqas ta’ ħeġġa mill-Gvern issegwi sena rekord li kien hemm f’dak li għandu x’jaqsam ma’ qtil illegali tal-għasafar protetti. Is-sena l-oħra, il-BirdLife irċeviet total ta’ 114-il tajra protetta. Intant, din is-sena kien hemm minn tal-inqas 13-il għasfur milqut jew maqtul tul l-istaġun magħluq.

Intant, BirdLife Malta ħeġġet lill-pubbliku biex jirraporta kull illegalità li josserva u fakkret lil kulħadd dwar il-karatteristiċi differenti li jiddistingwu gamiema minn summiena. Dawn ivarjaw fid-dehra, fl-għajta tagħhom, fil-mod kif itiru, fil-mod kif jiġu kkaċċjati u anke fil-mod kif jiġu attirati.