L-ebda ħsieb ta’ evakwazzjoni mil-Libja għalissa

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin għadu għaddej bil-ħidma li jagħmel kuntatt mal-Maltin li jinsab fil-Libja.
Dan meta s-sitwazzjoni f’dan il-pajjiż kulma jmur qed tmur għall-agħar.
F’titjira kummerċjali tal-Petro Air ikkordinata mill-Medavia u li telqet minn Mitiga kien hemm biss ċittadin wieħed Malti fost il-155 passiġġieri abbord.
Hekk kif il-Gvern appella biex ma jsirux vjaġġi lejn il-Libja, jidher li fadal madwar 100 Malti fil-Libja, li minnhom 59 jinsabu fi Tripli, 21 f’Bengażi u 29 jinsabu fil-fruntieri.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li saret laqgħa bejn il-Kapijiet tad-Diplomatiċi Ewropej fi Tripli fejn ġiet diskussa s-sitwazzjoni kif qed tiżvolġi.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat ukoll li din il-laqgħa kienet importanti biex tagħti stampa iżjed ċara jekk hux se jkun hemm lok ta’ evakwazzjoni tal-ħaddiema kollha barranin mil-Libja.
Intant, ġew miċħuda rapporti li mil-lum se jingħalaq l-ispazju tal-ajru fil-Libja, fuq Facebook, il-linja tal-ajru Afriqiyah Airlines qalet li l-ispazju tal-ajru se jibqa’ miftuħ u għaddiet ukoll lista aġġornata tat-titjiriet li se jsiru matul il-jiem tat-Tnejn u t-Tlieta.
Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni fil-Libja, il-Gvernijiet ta’ Franza, il-Ġermanja, l-Olanda, r-Renju Unit u l-Istati Uniti qed jappellaw liċ-ċittadini tagħhom biex jagħmlu użu minn titjiriet kummerċjali u jitilqu mill-pajjiż immedjatament sabiex jevitaw il-periklu.
Il-Korp Diplomatiku tat-Turkija ġie evakwat lejn it-Tuneżija jum wara dak tal-Istati Uniti.
Fil-preżent jidher li l-Ambaxxati ta’ Franza u l-Italja se jibqgħu joperaw.