“L-ebda droga mhi rikreattiva; il-kannabis fiha l-perikli wkoll”

Read in English.

Erba’ għaqdiet li fost l-oħrajn jgħinu persuni bil-vizzju tad-droga appellaw lill-persuni influwenti kollha sabiex filwaqt li jgħinu fit-tnaqqis ta’ stigma għal persuni li jużaw is-sustanzi, jaraw li jwasslu l-messaġġ lit-tfal u l-adoloxxenti li l-ebda droga ma fiha valur rikreattiv. Qalu li hemm bżonn li jkun hemm ukoll kuxjenza li kull droga, inkluż il-kannabis, għandha l-perikli tagħha.

L-istqarrija li titkellem dwar il-kannabis ġiet iffirmata minn Caritas Malta, l-Aġenzija Sedqa, Il-Fondazzjoni Oasi u l-Assoċjazzjoni tal-Psikjatrija f’Malta.

L-għaqdiet qalu li jinsabu mħassba li l-użu tal-kannabis qed jiġi normalizzat u popolarizzat. Qalu li l-użu tal-kliem “kannabis rikreattiv” bħal jikkonferma l-messaġġ lis-soċjetà li din is-sustanza għandha valur rikreattiv. Qalu li meta wieħed iħares lejn l-esperjenza tat-tipjip u x-xorb jara li meta droga ssir iktar popolari u legali, hemm tendenza li s-sustanza tintuża iktar u l-effetti negattivi jinħassu iktar ukoll. “Ma jfissirx li jekk iktar nies qed jużaw il-cannabis din ma tibqax xi ħaġa li m’hemmx għalfejn ninkwetaw dwarha,” insistew l-għaqdiet.

Minkejja dan huma jaqblu fuq ħames punti prinċipali. Li hemm bżonn iktar sensibbiltà lejn persuni li jużaw il-kannabis. Jaqblu li l-liġi tar-riabilitazzjoni u mhux priġunerija tal-2015 kienet liġi effettiva u pass ‘il quddiem biex persuni li jinqabdu bi kwantitajiet żgħar għall-użu personali jiġu dekriminalizzati u depenalizzati. Qalu li l-liġi dwar il-kannabis mediċinali kellha passi ‘l quddiem peress li l-kannabis għandha propjetajiet mediċi li meta jiġu użati abbażi ta’ riċerka jkunu ta’ benefiċċju għall-pazjent. Qalu wkoll li persuna li tuża l-kannabis jew sustanzi oħra m’għandhiex tiċċapsilha l-kondotta jew tintbagħat il-ħabs u li mhux ġust li dawn il-persuni jiġu stigmatizzati

Huma komplew billi wasslu l-vuri ta’ inkwiet ta’ ħafna ġenituri li t-tfal tagħhom jiġġustifikaw l-użu tal-kannabis bħala mediċina jew għax “jużaha kulħadd”. Qalu wkoll li skont riċerka li saret li rreplikat studji li saru qabel, jidher li l-użu tal-kannabis fl-adoloxxenti hu ta’ ħsara kbira fuq il-moħħ u jesponi lill-moħħ għar-riskji ta’ dipendenza fuq droga oħra.

L-għaqdiet qalu li jittamaw li l-liġijiet li jiġu proposti b’rabta mal-kannabis ikompli biex isaħħu l-liġi tal-2015 u jagħtu iktar ħabel lill-ġudikatura biex l-ebda persuna li hi dipendenti fuq droga ma tispiċċa l-ħabs, iżda tiġi mgħejjuna ssib stil ta’ ħajja mingħajr is-sustanzi.

“Il-liġijiet iservu ta’ gwida u ta’ messaġġ għas-soċjetà biex din tiżviluppa b’mod sħiħ u ta’ benefiċċju għal kulħadd. Nibqgħu nittamaw li liġijiet li jiġu proposti ma jiftħux bibien jew twieqi biex persuna taċċessa d-droga b’mod legali, u li jiġu kunsidrati fil-fond il-konsegwenzi soċjali u l-iżvantaġġi li dan iġib fuq dawk l-iktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna. Fost dawn hemm adolexxenti; dawk b’dipendenzi jew f’riskju li jiżviluppaw dipendenza fuq il-cannabis u sustanzi oħra, dawk li bil-cannabis jiżviluppaw paranoia u psikożi, dawk li jiżviluppaw a-motivational sydrome (telf ta’ motivazzjoni fil-ħajja) u dawk li diġà għandhom diffikultajiet intellettwali,” temmew jgħidu l-għaqdiet.