L-ebda deċiżjoni dwar il-ftuħ tal-ajruport

Miguela Xuereb

Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika qalet li għad m’hemm l-ebda deċiżjoni dwar il-ftuħ tal-ajruport. Hija qalet dan fil-konferenza tal-aħbarijiet tat-Tnejn li fiha tat rendikont dwar il-11-il każ pożittiv li rriżultaw tul tmiem il-ġimgħa li għaddiet.

Mistoqsija minn Newsbook.com.mt dwar l-aħbar li Ċipru kkonferma li se jibda t-titjiriet lejn Malta u pajjiżi oħra minn Ġunju, il-Professur qalet li d-diskussjonijiet għadhom għaddejjin. Hija saħqet li għaldaqstant għad m’hemmx deċiżjoni.

L-ajruport għalaq fil-21 ta’ Marzu meta l-Gvern ħareġ avviż (NOTAM) li fih speċifika li l-ajruplani jistgħu jidħlu Malta bil-markanzija, għal raġunijiet umanitarji jew bil-permess tas-Supretendent għas-Saħħa Pubblika.

Għalkemm dan l-avviż kien oriġinarjament validu sal-10 ta’ April, kien ġie mġedded u se jibqa’ validu sal-15 ta’ Ġunju. Newsbook.com.mt huwa infurmat li xi linji tal-ajru qed jirreklamaw titjiriet lejn Malta għal wara din id-data.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn