Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca wieġbet b’mod pożittiv għat-talba tal-fundatur ta’ Malta Clean Up Cami Appelgren, li ma jittajrux bżieżaq waqt il-Fun Run ta’ din is-sena.
Ma’ Newsbook.com.mt, Appelgren qalet li kien dalgħodu stess li għamlet it-talba lill-President fuq Facebook. Spjegat li ftit wara tirċievi telefonata minn għandha fejn ikkonfermatilha li mhux se jittajru bżieżaq bħalma jiġri s-soltu. Spjegatilha li dan diġà kien ippjanat.
Appelgren qalet li l-President qaltilha li hi taqbel li l-bżieżaq ma jagħmlux ġid lill-ambjent u li hemm bżonn ta’ aktar edukazzjoni dwar dan.
Waqt it-telefonata tagħha mal-President, Appelgren enfasizzat dwar l-importanza li entitajiet pubbliċi jinfurmaw lin-nies meta jieħdu deċiżjonijiet li jkunu ta’ benefiċċju għall-ambjent.
Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, 41 kunsill lokali ffirma ftehim ma’ Malta Clean Up, biex ma jittajrux aktar bżieżaq f’attivitajiet organizzati mill-kunsilli lokali u mill-għaqdiet tal-lokalitajiet. Dan minħabba l-ħsara ambjentali li jikkawża l-plastik li jispiċċa fil-baħar.