“L-ebda bully ma jbeżżagħni” – Marlene Farrugia

Il-Membru Parlamentari tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia sostniet li l-ebda bully mhu se jbeżżagħha u wissiet sabiex ħadd ma jippermetti li jsir vittma ta’ bbulljar fl-ebda strata tas-soċjetà u bil-wisq inqas fil-Parlament.

Dan qalitu propju wara li skont Farrugia, ilbieraħ fil-Parlament il-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona qal il-kliem “ġejja tiegħek” lil Farrugia. Ma’ Newsbook.com.mt Marlene Farrugia qalet li dan il-kliem intqal wara li qam jitkellem l-MP Godfrey Farrugia tal-PD. Spjegat li Cardona beda jgħajjat u qaltlu biex ma jindaħalx. Żiedet tgħid li Cardona mbagħad qalilha li kienet “ġejja tiegħek [tagħha]”.

Fi stqarrija mibgħuta mill-Partit Demokratiku Farrugia kompliet tgħid kif id-diskors ta’ mibgħeda u l-ibbuljar, speċjalment kontra n-nisa huwa rampanti f’Malta u bil-wisq iktar fuq il-midja soċjali. Sostniet li dan id-diskors huwa direzzjonat lejn il-politikanti, ġurnalisti u anke attivisti u kemm il-Partit Nazzjonalista u anke dak Laburista m’huma qed jagħmlu xejn biex iwaqqfu dan l-atteġġjament. Il-MP innutat kif rivelazzjonijiet ġurnalistiċi kienu ħarġu li ż-żewġ partiti politiċi għandhom gruppi ta’ “trolls” onlajn li xogħolhom huwa li jqajjmu dibattitu aħrax kontra n-naħa l-oħra.

Ma’ Newsbook.com.mt Marlene Farrugia qalet li kienet theddida li ħarġet mill-qalb. Mistqosija x’taħseb li Cardona ried jgħid biha dik il-frażi, Farrugia qalet “minjaf”. Qalet li jista’ jkun li se toħroġ xi storja vvintata dwarha. Żiedet tgħid li mhux l-ewwel darba li rċeviet trattament simili meta tkun qed tieqaf kontra l-Gvern.