L-ebda barrani ma vvota fl-aħħar elezzjoni ġenerali – PM

Miguela Xuereb

Il-Prim Ministru Robert Abela kkonferma li l-ebda barrani ma ġab id-dritt u vvota fl-aħħar elezzjoni ġenerali tal-2017.

Għall-mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo, Abela stqarr li l-ebda barrani m’għandu d-dritt li jivvota f’elezzjoni ġenerali.

Skont il-liġi elettorali, il-Kummissjoni Elettorali jippubblika reġistru elettorali ħamest ijiem wara li joħroġ ir-rit tal-President u huma biss il-persuni li isimhom jidher f’dak ir-reġistru li għandhom dritt jivvutaw. Għall-kunsilli lokali jistgħu jivvutaw ukoll iċ-ċittadini Ewropej li jinsabu Malta.

Wara l-elezzjoni tal-2017, il-Partit Nazzjonalista kien akkuża lill-Gvern li madwar 100 barrani li fix-xhur ta’ qabel l-elezzjojni kienu xtraw iċ-ċittadinanza Maltija ngħataw il-vot għall-elezzjoni ġenerali, “bi ksur ċar tal-Kostituzzjoni ta’ Malta.”

Fil-jiem ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet kien hemm ukoll 1,717-il votant li ġew Malta biex jixħtu l-vot tagħhom.