“L-ebda awtorità ma tatna port ta’ sigurtà” – 65 ruħ bejn sema u ilma

Sea Watch

Il-bastiment tas-salvataġġ Sea-Watch 3 tkeċċa mill-inħawi tal-Libja, u ma rċieva l-ebda indikazzjoni ta’ port ta’ sigurtà li jista’ jidħol fih. Dan wara li lbieraħ, l-NGO salvat 65 persuna 30 mil nawtiku ‘l barra mill-kosta Libjana u bagħtet lill-awtoritajiet Maltin, Taljani u tan-Netherlands għall-għajnuna.

Fi Tweet, Sea-Watch ilmentat li ‘reġgħet waħedha’ hekk kif spjegat li l-ebda awtorità ma offriet sapport jew indikazzjonijiet ta’ port ta’ sigurtà fejn il-bastiment jista’ jidħol.

Fi stqarrija ġie spjegat li fost il-65 persuna salvati hemm 11-il mara, persuna bi bżonnijiet speċjali, żewġt itrabi, ħamest itfal u tmien minuri mingħajr adulti jakkumpanjawhom. Bosta wrew sinjali ta’ għajja kbira, għatx u sea sickness.

AQRA: Ritratti: Il-bastiment Sea-Watch 3 isalva 65 immigrant ‘il barra mil-Libja

L-għaqda spjegat li għalissa kollox taħt kontroll, imma jinsabu fi spazju żgħir, u qed jistennew indikazzjoni ta’ x’għandhom jagħmlu issa.