L-ebda applikazzjoni għal Avukat tal-Istat

Read in English.

Ħadd ma applika għall-pożizzjoni ta’ Avukat tal-Istat wara sejħa pubblika li għalqet nhar l-Erbgħa li għadda.

Ħarġet sejħa wara li Dr Victoria Buttigieg telqet il-kariga wara inqas minn sena għax ġiet appuntata Avukat Ġenerali wara r-riżenja ta’ Dr Peter Grech.

Dan ġie kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt minn żewġ sorsi differenti. Mistoqsijiet li Newsbook.com.mt bagħat lill-Ministeru tal-Ġustizzja fuq is-sitwazzjoni baqgħu ma twiġbux.

The Times of Malta rrapporta li l-kummissjoni se toħroġ sejħa ġdida għall-applikazzjonijiet. Il-ġurnal jikkwota uffiċjal għoli tal-Gvern li jgħid li xi kandidati potenzjali beżgħu minn xi ndħil tal-Gvern u mill-pressjoni tal-Oppożizzjoni.

L-ebda avukat ma jrid ikun l-avukat tal-Gvern – PN

Il-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija li tgħid li l-ebda avukat ma jrid ikun l-avukat tal-Gvern.

L-istqarrija, iffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja Jason Azzopardi, tgħid li l-ebda avukat “ma jemmen li l-Gvern mhux se jindaħallu f’xogħlu. Ebda avukat f’Malta m’għandu fiduċja fil-Gvern bħala l-klijent tiegħu.”

Azzopardi jsemmi li setgħu applikaw għall-kariga avukati li jaħdmu fl-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat, iżda donnhom li lanqas dawk ma jixtiequ “jiċċappsu bit-titlu.” Skont id-Deputat, din l-aħbar turi kemm m’hawnx fiduċja fil-Gvern.

Il-PN irrimarka b’diqa li dan kollu ġej mill-abbuż li qed jagħmel il-Gvern mill-istituzzjonijiet, li wasslet għal ħsara irreparabbli.

Il-Kummissjoni għall-Ħatra ta’ Avukat tal-Istat se titmexxa mill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi, bl-Imħallfin Emeriti Lawrence Quintano u Antonio Mizzi bħala membri. Id-deċiżjoni finali se tkun f’idejn il-Prim Ministru.

Dr Buttigieg kienet l-ewwel Avukat tal-Istat li kellha Malta, wara li nħatret f’Diċembru li għadda. L-irwol inħoloq billi l-pożizzjoni tal-Avukat Ġenerali ġiet separata fi tnejn: l-AĠ issa jieħu ħsieb il-prosekuzzjonijiet u kwistjonijiet kriminali, filwaqt li l-Avukat tal-Istat jaqdi l-irwol ta’ konsulent legali tal-Gvern.

Din is-separazzjoni fl-irwoli kienet seħħet bħala waħda mir-riformi rakkomandati mill-Kummissjoni Venezja fl-2018.