L-ebda apparat elettroniku ta’ Valletta ma ġie investigat – L-Aġent Kummissarju

Read in English.

L-Aġent Kummissarju Carmelo Magri qal li l-ebda apparat elettroniku bħal-laptops jew mowbajls ma ttieħdu minn l-eks Deputat Kummissarju Silvio Valletta biex jiġu investigati.

Dan ħareġ mis-seduta tal-lum tal-inkjesta pubblika marbuta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Magri li kien qed jixhed quddiem il-bord tal-inkejsta qal li t-telefonati ta’ Valletta ġew miġbura. Il-bord tal-inkjesta huwa magħmul mill-Imħallef irtirat Michael Mallia, mill-eks Prim Imħallef Joseph Said Pullicino u mill-Imħallef Abigail Lofaro.

Id-Deputat Kummissarju Silvio Valletta kien ġie ordnat biex jieqaf jinvestiga l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia wara li l-Qorti Kostituzzjonali sabet li d-drittijiet fundamentali tal-familja Caruana Galizia ma ġewx ikkunsidrati. Valletta seta’ kellu kunflitt ta’ interess f’din l-investigazzjoni minħabba li huwa miżżewweġ lid-Deputata Justyne Caruana.

Fil-Qorti kien ħareġ ukoll li Valletta kien siefer ma’ Yorgen Fenech, li jinsab akkużat bil-kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Valletta kien jinsab taħt investigazzjoni. L-eks Ministru għal Għawdex kienet irrizenjat minn Ministru jiem wara l-ħatra tagħha taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela bħala Prim Ministru.

L-Aġent Kummissarju tal-Pulizija Carmelo Magri qal li l-Pulizija ma elevaw l-ebda laptop, hard drives jew mownajls ta’ Valletta biex jiġu investigati. Magri żied li Valletta ċaħad l-akkuża li għadda xi informazzjoni.

Is-sensar Melvin Theuma kien irrekordja l-konverżazzjonijiet li kellu ma’ Yorgen Fenech. F’dawn il-konverżazzjonijiet huma kienu qed jirreferu għal Silvio Valletta bħala, “Valletta l-oħxon”.