L-ebda abbuż fl-operat tal-irziezet tat-tonn – Herrera

L-inkjesta ministerjali dwar l-operat tad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura fuq il-permessi u l-kontrolli  tal-operat tal-irziezet tat-tonn kienet sabet li d-dipartiment kien kompliċi fid-diskrepanzi li kienu inħolqu fil-mod kif kien qed jiġu mwieżna t-tonn, proċess magħruf bħala ‘weight gain’. Però, id-diskrepanzi ma kienux riżultat ta’ abbuż. Dan kien kliem il-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera.

Hu qal li l-inkjesta ikkonkludiet li ma kien hemm ebda evidenza li tindika li l-proċess adottat mid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura kienet qed tagħti preferenza lil xi operatur partikolari.

Il-bord lanqas ma sab evidenza li xi uffiċjal pubbliku kkommetta xi aġir li naqqas il-fiduċja fl-amministrazzjoni pubblika. Però, sab li l-fatt li l-Assistent Direttur ta’ dak iż-żmien kienet miżżewġa lil maniġer ta’ wieħed mill-erba’ operaturi tal-irziezet tat-tonn kienet tnaqqas il-fiduċja fl-amministrazzjoni pubblika.

Herrera żied li l-ministeru mmexxi minnu ħa azzjonijiet biex jindirizza dawn in-nuqqasijiet għalkemm irrikonoxxa li għad fadal xi jsir fir-rigward tar-reklutaġġ, taħriġ u introduzzjoni ta’ Sistema, li jsaħħu l-istess dipartiment.