L-Easygas bi protesti kontra l-Liquigas u l-Gvern biex tiġbor nofs miljun ewro

Il-kumpanija Easygas fetħet protesti ġudizzjarji kontra l-Liquigas u l-Ministru Michael Farrugia biex tiġbor €500,000 li tgħid li huma tagħha.

Fi stqarrija l-Easygas qalet li fetħet il-protest kontra l-Liquigas biex din il-kumpanija trodd €500,000 f’bilanċ pendenti u biex tirrispetta l-proviżjonijiet legali dwar it-tibdil u r-rifużjoni għaċ-ċilindri bejn iż-żewġ kompetitturi.

L-Easygas qed tgħid li l-Liquigas ilha erba’ snin ma tobdix il-liġi dwar ir-rifużjoni taċ-ċilindri.

Fi protest separat kontra l-REWS u l-Ministru għall-Enerġija Michael Farrugia l-Easygas qed tgħid li r-Regolatur mhu jagħmel xejn fid-dawl tal-ksur tar-regoli mil-Liquigas.

L-Easygas qalet li dan l-aġir abbużiv qed jhedded il-bejgħ taċ-ċilindri tal-gass għal mijiet ta’ eluf ta’ djar.

Il-protesti ġew iffirmati mill-avukati Kris Scicluna u Karl Tanti.