Il-cards u l-ATMs tal-HSBC se jieqfu jaħdmu għal perjodu

L- HSBC Bank Malta ħabbret li bejn is-7.00pm ta’ nhar il-Ħadd 4 ta' Frar u l-5.00am tat-Tnejn 5 ta’ Frar, l-ATMs kollha tal-HSBC madwar Malta se jkunu wieqfa minħabba li se jkun qiegħed isir xi tibdil fis-software
Barra minn hekk, l-ebda pagament jew irtirar ta’ flus ma jista’ jsir bid-debit cards: l-HSBC Quikcash, l-HSBC Visa Electron jew l-HSBC Visa Business debit card, sew f’Malta kif ukoll barra. 
Il-credit cards tal-HSBC jistgħu jintużaw biss biex isiru pagamenti onlajn u pagamenti fil-ħwienet (EPOS), kemm lokalment kif ukoll barra minn Malta.
B’hekk hu rrakkomandat li wieħed jippjana bil-quddiem il-ħtiġijiet ta’ flus kontanti li se jiġu bżonn matul dak il-perjodu. 
Il-bank qal li t-titjib hu essenzjali biex tkun żgurata l-istabbiltà fis-servizzi bankarji.
Fil-jiem li għaddew, Newsbook.com.mt kien żvela kif jekk persuna titlef jew jisirqulha l-kard tal-bank u jirriżulta li tkun saret tranżazzjoni frodulenti, se tkun obbligata tħallas sa massimu ta’ €50 u mhux l-ammont kollu miġbud. Din hija waħda mill-bidliet li l-banek qed idaħħlu fis-seħħ biex ikunu konformi mad-Direttiva 2 tal-Unjoni Ewropea dwar is-Servizz tal-Pagamenti.
Barra minn hekk, mill-1 ta’ Frar li ġej se tkun qed teħel tariffa jekk tiġbed flus kontanti minn ATM li mhix operata mill-bank li ħareġ il-kard.