L-azzjonijiet industrijali tal-bdoti tal-Air Malta mwaqqfin mill-Qorti

Il-Qorti laqgħet il-mandat ta’ inibizzjoni mressaq mil-linja tal-ajru nazzjonali Air Malta kontra l-unjin tal-bdoti ALPA. Dan ifisser li l-bdoti ma jistgħux jipproċedu b’azzjoni industrijali. Fid-deċiżjoni tagħha llum, il-Qorti qalet li l-Air Malta rnexxielha tipprova li għandha jedd li tħares dak li trid il-liġi u għalhekk waqqfet lill-Assoċjazzjoni tal-Piloti milli tordna azzjonijiet industrijali fl-Air Malta.

Aktar kmieni dan ix-xahar, l-Air Malta kienet ippreżentat it-talba għal mandat wara li l-ALPA qalet li kienet se tibda azzjoni industrijali fuq tilwima li għadha għaddejja. L-azzjoni industrijali kienet se tikkonsisti minn dewmien fit-titjiriet kollha bi 30 minuta.

Fil-Qorti, il-Viċi President tal-ALPA Matthew Degiorgio qal li t-taħditiet fallew wara li ċ-Chief Flight Operations Officer tal-Air Malta Emvic Debono naqas milli jirriżenja. L-ALPA qalet li kienu ffaċċjaw theddid bla bażi ta ’azzjoni dixxiplinarja.

AQRA: “Xokkanti li l-Air Malta qed tkompli tigdeb” – ALPA

Il-Gvern kien qal li l-bdoti riedu garanzija fuq l-iskema tal-irtirar bikri li kien ta’ €700,000. Din l-istqarrija tal-Gvern kienet ġiet miċħuda fil-Qorti meta xehed rappreżentant tal-ALPA.

AQRA: Titjiriet tard mill-Air Malta minn nofsillejl; “Rikatti minn ħadd” – Konrad Mizzi

B’reazzjoni, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi laqa’ d-deċiżjoni tal-qorti u qal li b’hekk twaqqaf l-abbuż mid-dritt tal-istrajk.