L-Azzjoni Kattolika tħeġġeġ lin-nies għal għada

L-Azzjoni Kattolika Maltija (AKM) ħeġġet lill-pubbliku biex għada jattendi bi ħġaru għall-mixja favur il-ħajja li se ssir għada. 
Għall-mixja se jkun hemm ukoll l-Arċisqof Charles Scicluna, l-Isqof t’Għawdex, Mario Grech, u l-Arċisqof Emeritu, Pawlu Cremona.
L-AKM qalet li l-preżenza tan-nies għal dil-protesta tfisser li jkunu qed jgħinu lill-politiċi jiddeċiedu favur il-ħajja u d-dinjità tal-bniedem.
“Infakkru li l-politiċi jkunu taħt pressjoni minn gruppi differenti ta' nies li l-għan tagħhom mhux dejjem ikun il-ġid komuni tas-soċjetà tagħna. Għaldaqstant importanti li ngħinuhom fid-deċiżjonijiet tagħhom billi nġibuhom konxji ta' dak li nemmnu fih”, qalet fi stqarrija.
L-Azzjoni kompliet tgħid li d-dritt għall-ħajja hu ogħla minn kull dritt ieħor, u kull persuna li temmen f'dan il-valur hi msejħa biex titkellem meta l-ħajja tal-persuni vulnerabbli tiġi mhedda b'xi mod jew ieħor.
Il-mixja, li tibda fl-4pm minn quddiem Kastilja u tibqa’ sejra sal-Parlament, qed tiġi organizzata mil-Lif Network Foundation.