L-awtur Pierre J. Mejlak jirbaħ il-Premju Letterarju Ewropew

L-awtur Pierre J. Mejlak huwa wieħed mir-rebbieħa tal-Premju Letterarju tal-Unjoni Ewropea li tħabbru fil-Fiera tal-Ktieb fi Frankfurt. Huwa rebaħ il-Premju bil-ktieb Dak li l-Lejl Iħallik Tgħid (Merlin Publishers, 2011). Il-ktieb fih kollezzjoni t’10 stejjer differenti.
Il-premju ngħata lil 13-il awtur minn pajjiżi differenti, li ntagħżlu minn ġurija nazzjonali. L-għan hu li tingħata promozzjoni lil-letteratura kontemporanja u l-kotba jinqalbu f’lingwi differenti u jinbiegħu f’pajjiżi oħra.
Il-Kummissarju Ewropew tal-Edukazzjoni u l-Kultura, Androulla Vassiliou ferħet lir-rebbieħa u qalet li l-premju hu dedikat għall-awturi li għandhom jibdew, irrispettivament mill-pajjiż tal-oriġini jew il-lingwa.
Kull rebbieħ jirċievi €5,000, u promozzjoni ikbar f’pajjiżi oħra. Il-publikaturi ikunu mħeġġa japplikaw għall-fondi tal-Unjoni Ewropea sabiex il-kotba jinqalbu f’lingwi oħra.
Mit-tnedija tal-Premju fl-2009, l-Unjoni Ewropea ipprovdiet fondi għat-traduzzjoni ta’ 56 ktieb f’20 lingwa Ewropea differenti, b’medja ta’ 3-4 traduzzjonijiet kull ktieb.
Il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista ferħu lil Pierre J. Mejlak għal dan is-suċċess.