“L-awtoritajiet u l-iżviluppaturi saru qishom il-kelliema ta’ xulxin” – Kummissjoni tal-Knisja

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) qalet li għal żmien twil, l-awtoritajiet semgħu biss mill-kuntratturi u l-hekk imsejħa “żviluppaturi”. Il-Kummissjoni żiedet tgħid li l-awtoritajiet u l-kuntratturi u l-iżviluppaturi saru qishom il-kelliema ta’ xulxin, filwaqt li d-drittijiet u l-opinjonijiet ta’ stakeholders oħra ġew injorati.

Dan qalitu f’Opinjoni li ġiet ippubblikata llum u li fiha tkellmet dwar x’għandu jsir biex sagrifiċċju ta’ ħajja oħra ma jkunx seħħ għalxejn. Dan fid-dawl tal-mewt traġika ta’ Miriam Pace.

Fis-sottomissjonijet tagħha fil-konsultazzjoni pubblika dwar ir-Regolamenti marbuta ma’ Prattiċi ta’ Skavar u Kostruzzjoni, fl-2019, il-Kummissjoni esprimiet it-tama li r-regolamenti li kienu qed jiġu proposti ma jkunux attentat populista biex il-pubbliku jiġi impressjonat li kienet qed issir xi ħaġa.

Il-KA tħoss li l-influwenza li l-industrija tal-bini għandha fuq il-partiti politiċi u fuq il-politiċi nfushom jeħtieġ tkun imrażżna. Il-kwistjonijiet tal-finanzjament tal-partiti politiċi u s-salarji tal-membri tal-Parlament għandhom ikunu fuq l-aġenda nazzjonali.

Hawnhekk, il-Kummissjoni qalet li huwa skandlu kbir il-fatt li l-Building Regulation Office għażel li jabdika mir-responsabbiltà tiegħu li jżomm hu stess reġistru tal-kuntratturi. Saħqet li permezz tar-reġistru wieħed seta’ jserraħ rasu li l-kuntratturi huma kwalifikati, mħarrġa u ċertifikati li jagħmlu x-xogħol li jidħlu għalih, iżda minflok, dan l-uffiċċju serraħ fuq reġistru li bdiet iżżomm il-Malta Developers Association.

“Bħal donnu kollox xejn mhux xejn għajr l-ekonomija”

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent qalet li f’Malta bħal donnu kollox jindara għaliex l-aqwa li r-rota ekonomika tibqa’ ddur. Jingħad li kollox sar qisu xejn mhu xejn u saħansitra hemm min jaċċetta anke dak li mhux normalment aċċettabbli bl-importanti tkun l-ekonomija.

Saħqu għal bidla fuq kif il-Gvern jagħmel konsultazzjoni. Dan permezz li kull bidla proposta f’regolamenti li għandhom x’jaqsmu mal-bini, ippjanar u l-ambjent għandhom ikunu ġustifikati bil-miktub fid-dokument li joħroġ għall-konsultazzjoni pubblika.

Ġie spjegat li kultant l-awtoritajiet infushom flimkien mal-iżvilupppaturi jwarrbu fil-ġenb l-ilmenti ta’ familji, komunitajiet u kunsilli lokali li jirrappreżentaw lil dawn il-komunitajiet.

Sostniet li l-iżvilupp sostenibbli jistrieħ fuq tliet pilastri: dak ambjentali, dak soċjali u dak ekonomiku. Il-Kummissjoni spjegat li b’enfasi esaġerata fuq il-pilastru ekonomiku, il-pilastri soċjali u ambjentali jiġu abbużati u jikkrollaw.

Tista’ taqra d-dokument sħiħ hawnhekk: