‘L-awtoritajiet Tuneżini jridu jinfurzaw is-sajd illeċitu wkoll’ – PN

Ritratt: Leon Xuereb

Il-Kummissjoni Ewropea mistennija tressaq proposti fi ħdan il-Konvenzjoni tas-Sajd fil-Meditteran (GFCM) li se titlaqqa’ f’Rodi fl-4 ta’ Novembru. Dan se jsir biex jitrażżan kemm jista’ jkun is-sajd illeċitu għal-lampuki mis-sajjieda Tuneżini minn fuq il-kannizzati tas-sajjieda Maltin u Għawdxin.

Il-Partit Nazzjonalista (PN) fi stqarrija qal li dan se jsir wara li l-kandidat tal-PN għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Peter Agius kited formalment biex isir intervent mill-Kummissjoni. Hu kiteb l-ittra wara li saru laqgħat mas-sajjieda u ma’ uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. F’ittra li kiteb fis-16 ta’ Jannar li għadda, Peter Agius kien stqarr li s-sajjieda Maltin ġew soġġetti għar-reġim tal-Politika Komuni tas-Sajd iżda qed jitħallew waħedhom biex jaffaċċjaw problema rikorrenti bis-sajjieda Tuneżini li qed jistadu regolarment, mingħajr l-ebda regola u deterrent, fuq il-kannizzati tas-sajjieda Maltin.

Is-soluzzjoni li kienet ġiet indikata fl-ittra tal-kandidat tal-PN kienet li ssir pressjoni internazzjonali li twassal għal infurzar mill-awtoritajiet Tuneżini.

Il-Partit Nazzjonalista enfasizza li wara l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea f’Rodi se jkun għad baqa’ ħafna xogħol xi jsir biex jiġu protetti s-sajjieda Maltin u Għawdxin. Il-partit qal li jeħtieġ li din il-

proposta tiġi aċċettata mill-partijiet tal-Konvenzjoni, u wara dan jeħtieġ li tiġi implimentata b’miżuri ta’ infurzar effiċjenti u bżonn ta’ ħidma f’koperazzjoni bejn l-awtoritajiet Maltin u dawk Tuneżini.

Il-Partit Nazzjonalista qal li hu se jibqa’ dispost li jikkopera u jgħin anke lill-awtoritajiet biex tissolva din il-kwistjoni u s-sajjieda Għawdxin u Maltin iserħu rashom.