L-awtoritajiet tas-saħħa taw parir li l-iskejjel ma jiftħux – MUT

Aġġornat 06:07 PM
Miguela Xuereb

Read in English.

L-Unjin tal-Għalliema (MUT) qalet li l-awtoritajiet tas-saħħa taw parir lill-Ministeru tal-Edukazzjoni biex l-iskejjel ma jiftħux, iżda l-Ministeru qed jinjora dan il-parir u l-iskejjel se jiftħu għada.

Kelliem għall-Ministeru tal-Edukazzjoni kkonferma ma’ Newsbook.com.mt dalgħodu stess li l-pjan hu li l-iskejjel jiftħu għada bl-istess miżuri li kien hemm fis-seħħ sa qabel il-vaganzi tal-Milied.

Madankollu, l-MUT għadha kemm qalet li ġiet infurmata li l-awtoritajiet tas-saħħa taw parir lill-Ministeru tal-Edukazzjoni sabiex l-iskejjel ma jinfetħux minħabba ż-żieda qawwija ta’ każijiet pożittivi mbassrin fil-ġranet li ġejjin. Din l-informazzjoni, li waslet lill-MUT f’dawn is-sigħat, ġiet ikkonfermata minn numru ta’ sorsi differenti. Jidher, iżda, li l-Ministeru tal-Edukazzjoni qed jinjora dan il-parir u għaldaqstant l-MUT stqarret li tħoss li għandha tipproteġi lill-edukaturi u lill-istudenti. 

L-MUT qed tagħmel talba formali sabiex il-Gvern jimxi mal-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa. “Jekk dan mhux se jseħħ, l-unjin ma jibqgħalhiex triq oħra ħlief li b’responsabbiltà kbira tagħti struzzjonijiet lill-membri aktar tard illum.”

Waqt konferenza tal-aħbarijiet illum, il-ġurnalisti staqsew darba war’oħra jekk huwiex minnu dak li qalet l-MUT, imma l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci t-tnejn kien evażivi fit-tweġibiet tagħhom.

Prof. Gauci qalet li se jissaħħu l-miżuri fl-iskejjel.

“Saħħet it-tfal m’għandhiex tkun ipperikolata b’kapriċċ” – PN

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Ministeru tal-Edukazzjoni għandu jieħu l-azzjonijijiet kollha neċessarji u jagħti assigurazzjoni li saħħet it-tfal u l-edukaturi mhix qed tiġi pperikolata b’kapriċċ, minħabba nuqqas ta’ azzjoni mill-Gvern.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli saħaq li dak li qalet l-MUT hu inkwetanti partikolarment minħabba n-numru rekord ta’ infezzjonijiet ġodda li tħabbar illum, it-taħlit ta’ nies fi żmien il-festi, il-konferma li qabel Mejju mhux se jkun hemm in-nies vulnerabbli kollha mlaqqmin, u minħabba l-varjant il-ġdid tal-Covid-19.

Il-Partit Nazzjonalista appella għal kawtela u responsabbiltà, kif ukoll għal djalogu trasparenti u onest sabiex jinstabu soluzzjonijiet li jissalvagwardjaw lill-istudenti, l-edukaturi u l-ġenituri. “L-ebusija tar-ras u l-arroganza żgur mhix it-triq ‘il quddiem.”

Waranofsinhar, l-MUT ħabbret li se tiltaqa’ mal-Prim Ministru, mal-Ministru tal-Edukazzjoni u mal-awtoritajiet tas-saħħa biex tiddiskuti l-ftuħ tal-iskejjel. L-unjin għandu jkollha konferenza stampa fis-7.15pm barra Kastilja, wara li tkun intemmet din il-laqgħa.

Kemm ninfumaw lill-membri li l-MUT ser tkun qed tiltaqa’ mal-Prim Ministru, l-Ministru tal-Edukazzjoni u l-Awtoritajiet…

Posted by Malta Union of Teachers on Wednesday, January 6, 2021

“Tort tal-inkompetenza u n-nuqqas ta’ ppjanar tal-PM” – Il-Kap tal-Oppożizzjoni

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ukoll qal tiegħu fuq din il-kwistjoni, u ta t-tort lill-Prim Ministru Robert Abela.

Skont Grech, illum hawn din l-inċertezza l-lejl qabel suppost jiftħu l-iskejjel minħabba l-inkompetenza, in-nuqqas ta’ ppjanar u l-insensittività tal-PM. “U dan għaliex anke fil-każ tal-pandemija, bħal meta qalilna li l-mewġ qiegħed fil-baħar, għalih xejn mhu xejn.”

Grech issokta jgħid, “Il-Prim Ministru għandu jieqaf jilgħab bis-saħħa tat-tfal u l-edukaturi tagħna u għandu minnufih jieqaf jinjora l-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika.”

Qiegħed insegwi mill-qrib l-iżviluppi dwar il-ftuħ tal-iskejjel għada u fuq dan għadni kif għamilt kuntatt mal-Malta…

Posted by Bernard Grech on Wednesday, January 6, 2021