L-Awtoritajiet tal-Knisja lesti jiddiskutu mal-MUT

Is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika fi ħdan il-Kurja qal li lest jiddiskuti mal-MUT biex isir tibdil fil-ftehim kollettiv ta’ bejniethom.

Is-Segretarjat, li hu responsabbli mill-iskejjel tal-Knisja, ippubblika stqarrija b’reazzjoni għal dak li l-MUT qalet dwar każ ta’ persuna li applikat għall-kariga ta’ Assistent Kap ta’ skola. Allegatament din ma ngħatatx l-opportunità li tappella wara li kisbet marka inqas mill-pass mark.

Is-Segretarjat iċċara li l-ftehim kollettiv li maqbul bejn l-Awtoritajiet tal-Knisja u l-MUT jipprovdi l-opportunità li kandidati jappellaw fil-proċess tal-għażla ta’ kap ta’ skola.

Madankollu, dan id-dritt għall-appell ma jgħoddx għal karigi oħra. Huwa għalhekk li s-Segretarjat qal li jilqa’ l-opportunità biex jinbdew diskussjonijiet mal-MUT li jwasslu għat-tibdiliet li jkunu meħtieġa fil-ftehim kollettiv.