​“L-awtoritajiet iridu jinżammu responsabbli għas-sigurtà tal-ġurnalisti”

Sbatax-il għaqda mhux-governattiva bagħtu ittra lill-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker li fiha appellawlu biex l-Unjoni Ewropea żżid il-protezzjoni tal-ġurnalisti.
Fl-ittra tagħhom, dawn l-għaqdiet stqarrew is-sogħba u x-xokk tagħhom għall-qtil tal-ġurnalista Maltija Daphne Caruana Galizia u tal-ġurnalist Slovakk Jan Kuciak.
Huma talbu lill-Unjoni Ewropea biex ikun hemm investigazzjoni sħiħa, intensiva u indipendenti mill-Pulizija għax sostnew li dawn l-omiċidji huma inaċċettabbli. Saħqu li l-awtoritajiet tal-istat għandhom jinżammu responsabbli biex jassiguraw il-ħolqien ta’ ambjent li fih id-dmirijiet tal-ġurnalisti jiġu rispettati.
L-għaqdiet spjegaw li meta jinqatlu ġurnalisti, jinqatlu wkoll l-istejjer tagħhom, u qalu li f’dawn iż-żewġ omiċidji, kienu qed jinkixfu stejjer ta’ korruzzjoni, kriminalità organizzata u l-abbuż ta’ poter. Stqarrew li l-poplu għandu dritt ikun jaf dwar dawn l-istejjer.
Qalu li r-rispons tal-UE għal dawn il-każijiet ta’ qtil, jistgħu joħolqu preċedent dwar dak li huwa permissibbli jew le fl-istess UE. Ħeġġu lill-Kummissjoni Ewropea tieħu passi ikbar biex tipproteġi lill-ġurnalisti għax qalu li din hija responsabbli għall-futur sigur tagħhom.